Il-Partit Laburista Jħabbar Aktar Proposti Fosthom Fis-Settur Tas-Saħħa
“Jekk il-poplu jagħtina l-fiduċja nhar is-26 ta’ Marzu, fl-ewwel mitt jum apparti li ser inwessgħu l-liġi tal-IVF sabiex aktar koppji jkunu jistgħu jsiru ġenituri, ser noħorġu liċenzji għal krematorju sabiex f’Malta jkollna krematorju wkoll. Proposta oħra hi li ser nagħmlu klinika għal dawk il-pazjenti li huma bil-long covid biex b’hekk inkunu nistgħu nagħtu servizz lill-mijiet ta’ pazjenti li jkunu għaddew minn din il-kundizzjoni u għadhom qed isoffru minn din il-kundizzjoni. Se jkun hemm klinika f’Mater Dei, f’Għawdex u la jinfetaħ se jkun hemm klinika wkoll fiċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran f’Raħal Ġdid.”
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne waqt intervista flimkien mad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef fi Pjazza San Nikola, fis-Siġġiewi, parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista.
Id-Deputat Prim Ministru sostna li matul dawn is-sentejn ta’ pandemija kellhom jittieħdu deċiżjonijiet li kienu neċċessarji, u għalhekk illum wasalna eqreb għan-normalità. Huwa rringrazzja lill-frontliners ta’ kemm ħadmu b’dedikazzjoni u b’għaqal matul dawn is-sentejn. Chris Fearne sostna li “Pajjiż ċkejken illi d-dinja kollha tagħraf illi kien wieħed mill-aħjar pajjiżi illi mexxa matul il-pandemija. Dan grazzi għall-eluf ta’ frontliners illi ħadmu matul dawn is-sentejn. L-eroj Maltin u Għawdxin li s-sagrifiċċji li għamlu m’aħna ħa ninsewhom qatt.”
Huwa ħabbar ukoll li ser tingħata it-tilqima tal-HPV lis-subien ta’ 12 il-sena ‘l fuq, ser tinġieb tilqima għal dawk li jbagħtu minn Fibromalgia, ser tingħata continuous glucose monitor għal min għandu dijabete type 1, ser jidħlu mediċini ġodda għall-kanċer, kif ukoll numru ieħor ta’ mediċini ġodda. Huwa semma meta u wkoll kemm ser jiswew dawn il-mediċini. Proposta oħra hija li anzjani li jkollhom bżonn hearing aid ser jibdew jingħataw waħda għal kull widna.
Id-Deputat Mexxej Daniel Micallef sostna li l-proposti fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista jduru madwar it-tfal, madwar il-ġejjieni ta’ uliedna u madwar il-futur ta’ Malta. Dwar il-proposta li jkun hemm diskussjoni dwar il-homework sostna li din ser twassal għal kunsens bejn l-għalliema, l-ġenituri u t-tfal u ser tħares lejn l-aħjar interess għat-tfal, sabiex t-tfal ikollhom aktar ħin ta’ kwalità, f’kuntest ta’ mudelli li diġà jeżistu.
Daniel Micallef ħabbar ukoll li “ser inwaqqfu istitut ġdid għas-snajja fl-MCAST fejn jiġu konsolidati l-affarijiet kollha f’dan is-settur u jiġi offrut taħriġ akkreditat b’kollaborazzjoni mal-industrija, minn edukaturi mħarrġa u għalliema b’esperjenza ta’ snajja varji. Ix-xogħol tal-id għandu valur u rridu nagħtu l-ispazju sabiex aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jimirħu kemm fis-snajja, kemm fil-ħiliet tekniċi.”
Dwar id-drittijiet ċivili, Daniel Micallef sostna li matul dawn l-aħħar disgħa snin saret rivoluzzjoni kbira li fissret ħafna għall-eluf ta’ persuni. Sostna kif għas-sebgħa sena konsekuttiva, pajjiżna rebaħ l-unur għall-aqwa drittijiet għall-persuni LGBTIQ+ fl-Ewropa u tenna li s-sena d-dieħla pajjiżna ser jospita l-EuroPride. Sostna li sar ħafna, iżda fadal aktar xi jsir.
Huwa ħabbar li ser jinfetaħ ċentru għall-komunita LGBTIQ+ bl-għan li jġibu taħt saqaf wieħed is-servizzi kollha offruti lil din il-kommunità kemm mill-Gvern kif ukoll mis-soċjetà ċivili. Proposta oħra hija li l-parametri għall-ogħti tad-demm isiru ugwali għal kulħadd.
Daniel Micallef ħabbar ukoll li ser titressaq għal diskussjoni nazzjonali l-ewtanażja volontarja għall-persuni b’mard terminali.
Chris Fearne u Daniel Micallef ikkonkludew li l-Partit Laburista fil-Gvern għandu l-kredibbiltà għaliex għandu track record li dejjem wettaq dak li wiegħed, hemm tim kompetenti u magħqud u l-proposti li qegħdin jitħabbru mill-Partit Laburista huma studjati, costed u bi pjan ta’ kif se jitwettqu.