Il-Partit Laburista Jippreżenta L-Kandidati Tiegħu
“Malta flimkien. Il-futur sabiħ. Kunfidenti minn dan għax kif urejna fl-aħħar snin u sa mill-bidu tal-kampanja elettorali għandna pjan b’saħħtu għal pajjiżna. Fiduċjuż ukoll għaliex għandna tim kompetenti u kredibbli, li jinsab lest li bil-fiduċja tal-poplu dan il-pjan jagħmlu realtà.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela meta llum ippreżenta t-tim ta’ disgħa u sittin kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu.
Il-Prim Ministru saħaq li l-elettorat quddiemu għandu għażla ċara ħafna bejn il-futur u l-passat.
“Dawn il-persuni, flimkien mal-kelma tiegħi u l-mod studjat kif fassalna l-proposti tagħna, huma l-garanzija li l-proposti li ressaqna ‘l quddiem se jkunu implimentati b’suċċess. Mat-tim kompetenti li wera kif tmexxi fl-agħar kriżi, waqt pandemija, għandna wkoll numru ta’ kandidati ġodda. Nofs il-kandidati qed jikkontestaw għall-ewwel darba. Kandidati ġodda b’esperjenza f’oqsma differenti; professjonali, sportivi, il-volontarjat, is-saħħa u l-edukazzjoni fost oħrajn. 23% huma kandidati taħt il-ħamsa u tletin sena. 23% huma kandidati nisa,” ħabbar il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru tenna li rridu naspiraw għal iktar kandidati femminili f’elezzjoni ġenerali. Huwa qal li ż-żewġ partiti għandhom l-istess numru ta’ kandidati femminili u dan hu konferma ta’ kemm huma importanti r-riformi fuq l-ugwaljanza li se jibdew ikunu mħaddma minn din l-elezzjoni. Iżda huwa emfasizza li jekk mhuwiex kuntent bin-numru, żgur huwa kuntent bil-kwalità ta’ kandidati nisa li għandu l-PL.
“Dan it-tim kollu, flimkien mas-soċjetà b’mod ġenerali, diġà taw kontribut qawwi fit-tfassil tal-manifest li fuqu se nibnu l-futur ta’ pajjiżna. Elf proposta li se jsiru elf kisba għal pajjiżna. Pjan sod, li bdejna nispjegawh mill-ewwel ġurnata u issa hu ssiġġilat lest għall-approvazzjoni tal-elettorat. Għalhekk b’wiċċi minn quddiem insostni li qed noffru għażla b’saħħitha lill-poplu Malti u Għawdxi. Kemm f’dak li hu ideat, u kif ukoll f’min se jħaddem dawk l-ideat. Id-differenza qed tidher fuq kull livell. Għall-futur isbaħ mibni fuq tliet prijoritajiet: Malta isbaħ, Kwalità ta’ ħajja aħjar u Opportunitajiet għal kulħadd,” temm jgħid il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.