Il-Partit Nazzjonalista Jwiegħed L-Aqwa Kundizzjonijiet Possibbli Għall-Ħaddiema Għawdxin
“F’Għawdex iktar minn Malta għandna sitwazzjoni ta’ mijiet ta’ ħaddiema li qalulhom li tawhom xogħol mal-Gvern iżda daħku bihom. Aħna ma nidħkux bikom u rridu li jkollkom l-aqwa kundizzjonijiet possibbli u li tagħtu s-sehem tagħkom biex dan il-pajjiż jimxi ‘l quddiem. Il-wegħda tiegħi lil dawn il-ħaddiema hija ċara mhux talli ħadd mhu ser jitlef postu ma Gvern immexxi minni, iżda talli tiġu direttament mal-Gvern u l-ħlas, ħafna drabi anke madwar €300 fix-xahar, li qed imur għand il-kuntrattur li jħaddimkom jiżdied mal-paga tagħkom.”
Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qed jindirizza attività politika lbieraħ filgħaxija fin-Nadur, Għawdex.
Bernard Grech saħaq li Għawdex minn dejjem kien għal qalb il-Partit Nazzjonalista. Għawdex minn dejjem gawda taħt Gvern Nazzjonalista u hekk se jerġa’ jagħmel b’Partit Nazzjonalista fil-Gvern.
Il-Kap tal-PN saħaq li l-aċċessibbiltá effettiva u effiċjenti bejn Malta u Għawdex hija prijorità, speċjalment fid-dawl tal-insularitá doppja li tiżvantaġġa lil Għawdex u lill-Għawdxin. “U għax Partit Nazzjonalista jimpurtah rridu nassiguraw li l-aċċessibbiltá ma tkunx aktar ta’ xkiel u b’hekk intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Għawdxi. Dan kollu jista’ jsir jekk jintlaħaq bilanċ bejn aċċessibiltá eċċellenti u miżuri li huma sostenibbli u responsabbli.”
Dwar is-settur tas-saħħa f’Għawdex Bernard Grech qal li Gvern Nazzjonalista ser iwaqqaf immedjatament il-privatizzazzjoni tal-uniku sptar f’Għawdex u dan ma jibqax f’idejn Steward, minflok jitwettaq programm kapitali massiv għall-iżvilupp ta’ Sptar Ġenerali ġdid ta’ 400 sodda f’Għawdex.
Dwar l-aħbar li l-FATF se tkun qed tagħmel żjara f’pajjiżna biex tara x’sar xogħol biex pajjiżna jkun jista’ joħroġ mil-lista l-griża, l-Kap tal-PN saħaq li sinjali pożittivi huma tajbin iżda mhux kawża li niċċelebraw. Huwa saħaq li fl-ewwel lok qatt ma missna ġejna greylisted. “Dan qisu l-Gvern qed jistenna li nifirħulu talli reġa’ bdielu dwar iż-Żonqor jew il-Marina ta’ Marsaskala. Robert Abela ħoloq il-problemi u issa qed jistenna li nirringrazzjawh talli beda jsolvihom. Il-progress li rreġistrajna huwa primarjament grazzi għas-sagrifiċċji kbar li qed isiru min-negozji, il-professjonisti u dawk li jaħdmu fis-settur.”
“Li toħroġ mil-lista griża hija biss pass wieħed. Għadna l-uniku pajjiż tal-UE fuq il-greylist. Irridu nibnu mill-ġdid ir-reputazzjoni tagħna. Għalhekk għandna bżonn viżjoni fit-tul għal Malta u 10 setturi ekonomiċi ġodda li qed jipproponi l-PN,” tenna Bernard Grech.
“Daħqu bina għax għidna li noħorġu lill-pajjiżna mil-lista l-griża fi tliet xhur…dan kollu juri li verament din il-wegħda hi possibbli.” Temm jgħid il-Kap tal-PN.