Il-PL B’Distakk Ta’ Bejn 26,000 U 39,000 Vot Fuq Il-PN – Eluf Ta’ Persuni Għadhom Mhux Konvinti
Issa li ninsabu ftit inqas minn ġimagħtejn ’il bogħod mill-elezzjoni ġenerali, dalgħodu ġew ippublikati żewġ stħarriġiet, mill-gazzetta t-Torċa u l-MaltaToday.
Għall-ġimgħa oħra konsekuttiva t-tnejn li huma qablu li kieku kellha ssir elezzjoni llum din tintrebaħ mill-Partit Laburista, però b’distakk differenti.
L-istatistiku Dr Vincent Marmarà fl-istħarriġ li għamel għal gazzetta t-Torċa qal li r-raba’ survey xjentifiku tiegħu f’din il-kampanja elettorali qed juri li d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista huwa ta’ 12.8% favur il-Partit Laburista.
Li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jikseb 55.5% tal-fiduċja tal-elettorat, waqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 42.7%. Partiti oħra għandhom l-appoġġ ta’ 1.8% tal-elettorat.
Huwa qal li jekk wieħed jikkunsidra turnout ta’ 88%, dan ir-riżultat ipoġġi d-distakk ta’ madwar 39,000 vot favur il-Partit Laburista. Jekk wieħed jikkunsidra turnout simili bħal dak tal-2017, dan ir-riżultat ipoġġi distakk ta’ madwar 41,000 vot favur il-Partit Laburista.
Dan l-istħarriġ sar bejn l-4 u l-10 ta’ Marzu, b’kampjun ta’ 1,800 persuna u għandu confidence level ta’ 95% u marginal of error ta’ +/- 2.3%. Sar fost persuni minn 16-il sena ’l fuq u ntuża l-metodu tal-istratified random sampling, biex b’hekk il-kampjun miġbur kien imqabbel b’mod preċiż mal-etajiet tan-nies, id-distretti u s-sess tagħhom.
Fi stħarriġ ieħor li sar mill-gazzetta Maltatoday ħareġ li l-Partit Laburista b’elezzjoni llum jirbaħ bi 53.2% li jfissru 25,996 vantaġġ fuq il-Partit Nazzjonalista.
Din il-gazzetta qalet li l-PN jġib 44.8% tal-voti filwaqt li l-partiti ż-żgħar iġibu 2%.