Il-PL Jgħid Li Bil-PN Fil-Gvern Tiżdied Il-Burokrazija U Jbatu N-Negozji

 Il-PL Jgħid Li Bil-PN Fil-Gvern Tiżdied Il-Burokrazija U Jbatu N-Negozji

“Fil-manifest tiegħu l-PN jgħid li l-inċentivi kollha li se jkun qed joffru lil negozji se jingħataw biss lil dawk ċċertifikati bħala ESG mingħajr ma qiegħed jiġi spjegat x’se jkun eżatt dan il-proċess. Studji li saru mill-Unjoni Ewropea juru li dan huwa proċess li se jżid l-ispejjeż tan-negozji b’għexieren ta’ eluf”.

Hekk stqarr id-Deputat Laburista Jonathan Attard li flimkien mal-Ministru Silvio Schembri indirizza Konferenza tal-aħbarijiet li matulha ingħataw dettalji dwar proposti tal-Partit Nazzjonalista li permezz tagħhom se tiżdied il-burokrazija fil-pajjiż li twassal għal tbagħtija bla bżonn mis-sidien tan-negozji.

Il-Partit Laburista assolutament ma huwiex kontra li n-negozji b’mod volontarju jadottaw frameworks ESG, anzi se jaħdem biex pajjiżna jkollu framework adattat għaċ-ċirkostanzi tan-negozji ta’ pajjiżna. “Li hu żgur li f’kull innovazzjoni li se jdaħħal il-Partit Laburista fil-Gvern, se jibqa’ ta’ spalla għan-negozji. Dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista huwa l-akbar attakk li qatt sar minn Gvern prospettiv kontra negozji żgħar u medji f’pajjiżna.”

“Filwaqt li l-Partit Laburista kien u għadu ċar li ma huwiex se jitfa’ piżijiet fuq in-negozji, l-istess ma jgħoddx għall-Partit Nazzjonalista. Diġà smajna lill-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li la jogħlew il-prezzijiet tal-enerġija barra se jogħlew anke hawn Malta, u wkoll ibeżża bil-gwerra fl-Ukrajna u jgħid li se jogħlew il-prezzijiet”, qal il-Ministru Silvio Schembri.

Huwa tkellem ukoll dwar proposta numru 12 tal-aħħar verżjoni tal-manifest tal-Partit Nazzjonalista li tgħid li biex il-pensjonijiet jibqgħu sostenibbli s-settur privat irid jibni fond ġdid għall-pensjonijiet f’pajjiżna. “Din ma hija xejn ħlief il-proposta li kien ressaq Simon Busuttil fil-manifest tal-Partit Nazzjonalista tal-2017. Din m’hix sorpriża, għax dawk li kitbu l-manifest Nazzjonalista fl-2017 huma l-istess nies li qed jiktbu dak preżenti. Proposta li tfisser ħlas ta’ bolla oħra addizzjonali min-negozji u self employed,” temmew jgħidu l-Kelliem tal-PL.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com