Il-PL Jidher Li Għandu Maġġoranza Ta’ Bejn 29,000 U 38,000 Vot – Madwar 20% Mhux Jgħidu Kif Ħa Jivvutaw

 Il-PL Jidher Li Għandu Maġġoranza Ta’ Bejn 29,000 U 38,000 Vot – Madwar 20% Mhux Jgħidu Kif Ħa Jivvutaw

Ftit inqas minn ġimgħa ’l bogħod mill-elezzjoni ġenerali dalgħodu ġew ippublikati tliet stħarriġiet mill-gazzetti MaltaToday, Times of Malta u t-Torċa li t-tlieta li huma qablu li kieku kellha ssir elezzjoni llum din tintrebaħ mill-Partit Laburista.

L-istatistiku Dr Vincent Marmarà fl-istħarriġ li għamel għal gazzetta t-Torċa qal li survey xjentifiku qed juri li d-distakk bħalissa bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista huwa ta’ 12.6% favur il-Partit Laburista. Dan jirriżulta mill-ħames stħarriġ li għamel f’din il-kampanja elettorali.

Huwa spjega li jekk wieħed jikkunsidra turnout ta’ 88%, dan ir-riżultat ipoġġi d-distakk ta’ madwar 38,000 vot favur il-Partit Laburista.

Meta mistoqsija lil liema partit ser jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-Partit Laburista jikseb 55.6% tal-fiduċja tal-elettorat, waqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 43.0%. Partiti oħra għandhom l-appoġġ ta’ 1.4% tal-elettorat.

Dan l-istħarriġ sar bejn il-11 u s-17 ta’ Marzu, b’kampjun ta’ 1,800 persuna – b’confidence level ta’ 95% u margin of error ta’ +/- 2.3% fost persuni minn 16-il sena ’l fuq.

Fi stħarriġ ieħor li sar mill-gazzetta Maltatoday ħareġ li l-Partit Laburista b’elezzjoni llum jirbaħ bi 53.7% li jfissru 29,003 voti vantaġġ fuq il-Partit Nazzjonalista. Din il-gazzetta qalet li l-PN jġib 44.3% tal-voti filwaqt li l-partiti ż-żgħar iġibu 2%.

It-tielet stħarriġ li sar kien mill-gazzetta Times of Malta b’riżultat viċin ħafna ta’ dak ta’ Dr Vincent Marmarà. Times of Malta fl-istħarriġ tagħha qalet li tistma distakk ta’ 37,000 vot. Il-PL jirbaħ l-elezzjoni b’55.1% filwaqt li l-PN jakkwista 43.5% tal-voti.

Fl-istħarriġiet kollha li saru juru perċentaġġ mhux żgħir ta’ nies li għadhom mhux jgħidu x’ħa jivvutaw, jew li mhux ħa jivvutaw. It-Times of Malta qalet li dan jammonta għal 20% ta’ dawk li ċemplu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com