Il-PL Qed Jippreżenta 35 Miżura Li Huma Mmirati Speċifikament Għas-Settur Turistiku
“Nitilqu mill-punt li n-nies jafu fejn qiegħdin magħna, jekk tajna kelma jafu li se nżommuha. Hemm elf proposta u n-nies jafu li se nimxu magħhom. Fuq il-qasam tal-pensjonijiet Gvern Laburista se jagħti żieda ta’ mill-anqas €15 fil-ġimgħa fuq ż-żidiet li diġà tajna u li se nkunu qed nintroduċuha fil-leġislatura li jmiss jekk il-poplu jagħtina l-fiduċja tiegħu.”
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt il-programm Awla li ttella’ f’San Pawl il-Baħar ilbieraħ b’rabta mal-kampanja elettorali bit-tema Malta Flimkien.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li waħda mill-iżjed affarijiet li tisma’ mingħand l-anzjani hija x-xewqa li jkomplu jgħixu f’darhom u fil-komunità. Gvern Laburista se jkun qed jindirizza din il-ħtieġa u fost oħrajn se jżid l-għotja għall-anzjani ta’ 75 sena u aktar b’€200 oħra kif ukoll waħda mill-inizjattivi li daħħal fl-aħħar snin kienet dik tal-home helper of your choice. Din miżura oħra b’saħħitha li biex tinċentiva iżjed dan is-servizz, minn €7,000 lil dawn l-anzjani biex jimpjegaw il-carers magħhom, Gvern Laburista se jkun qed iżidha biex tilħaq il-paga minima nazzjonali. Dan filwaqt li s-servizzi fi djar tal-anzjani se jkomplu jitjiebu u jinbnew djar oħrajn ġodda. Fost proposti oħra Gvern Laburista se jkun qed jagħti mediċini b’xejn għall-anzjani u se jkun qed iwessgħa l-formularju.
Fuq is-suġġett tal-kura tad-dimensja, il-Prim Ministru emfasizza li trid tingħata importanza kbira fejn din tista’ tolqot lil persuni iżgħar fl-età. Proposta oħra, li l-Prim Ministru jqisha importanti hija dik li jitwaqqaf direttorat responsabbli mid-dimensja biex ikun totalment iffokat fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija għad-dimensja, iżda wkoll li jservi ta’ punt ta’ referenza kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom.
Il-Prim Ministru spjega li meta illum titkellem ma’ kull settur tan-negozju dan jgħidlek li l-wage supplement kien l-aktar għodda importanti sabiex kienu salvati n-negozji u l-impjiegi. Dan wassal ukoll għal l-anqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna. Huwa qal li waqt il-pandemija Gvern Laburista b’mod konsistenti baqa’ jinvesti fin-nies, fin-negozji u meta tqassmu l-vawċers ra li kien hemm cash injection fl-ekonomija biex ikun stimulat il-konsum ukoll. “Dawk kienu l-prinċipji li dejjem ħdimna fuqhom”, fisser il-Prim Ministru.
Fil-manifest elettorali Gvern Laburista qed jippreżenta 35 miżura li huma mmirati speċifikament għas-settur turistiku. Il-Prim Ministru qal li l-operaturi fis-settur tal-akkomodazzjoni turistika se jingħataw tnaqqis fit-taxxa ta’ 30% tal-ispejjeż biex jagħmlu investiment ġdid jew rinnovar. It-tieni miżura hija li se jitniedu skemi biex jinġiebu t-turisti f’perjodu meqjusa shoulder months. Huwa semma wkoll li se jingħata nifs ġdid u qawwi liż-żoni tal-Qawra, Buġibba u x-Xemxija bil-proġett tal-pjazza ta’ Buġibba li se jkun prijorità. Iżda mhux biss, Gvern Laburista se jieħu ħsieb ir-realtajiet ġodda li qed jiltaqgħu magħhom ir-residenti f’dawn il-lokalitajiet. Proposta oħra hija dwar is-Sajf Malti kif aħna mdorrijin bih b’mod tradizzjonali. Hawnhekk, il-Mexxej Laburista saħaq li s-settur kulturali għandu rwol importanti ħafna u l-MTA se tkun qed tagħti l-appoġġ tagħha kif ukoll Gvern Laburista se jaħdem biex aktar lokalitajiet jiġu nċentivati biex jattiraw aktar turiżmu, fost oħrajn Għawdex li jista’ jipprovdi prodott uniku, n-Nofsinhar ta’ Malta u l-Belt Valletta, temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.