Il-PM Robert Abela Jwiegħed €50,000 F’Tax Credit Għal Kull Azjenda Fil-Kamp Diġitali Li Tibda Taħdem F’Għawdex
“Għawdex huwa fiċ-ċentru tal-prijoritajiet ġodda li qed inħabbru. Għawdex se jkun il-qalb tal-implimentazzjoni. Fejn se naslu f’Malta, irridu naslu qabel f’Għawdex ukoll. Għalhekk dak li ksibna lanqas biss jibda ma’ dak li fadlilna x’niksbu. Kemm għadna rridu naraw suċċessi jekk nibqgħu magħqudin flimkien.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt li kien qed jindirizza attività politika lbieraħ filgħaxija fis-Sannat, Għawdex.
Dr Abela ħabbar li jekk jingħata l-mandat, kull azjenda fil-kamp diġitali li tibda taħdem f’Għawdex se jagħtuha tax credit sa €50,000. Kwalunkwe investiment f’kapital fiss f’Għawdex se jagħtuh għotja ta’ 40% tal-investiment li sar. Kompla li se jwaqqfu f’Għawdex ċentru ta’ eċċellenza ġdid għar-riċerka u se jinvestu f’Għawdex minn tal-anqas €162M f’fondi Ewropej. “Kien hawn min ġie jgħid li s-swar taċ-Ċittadella bniehom Gvern Nazzjonalista. Jien mhux se ngħid li bnejnihom aħna. Imma se jkun Gvern Laburista li jdaħħalhom fil-lista tal-patrimonju dinji tal-UNESCO,” ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela.
Dr Abela sostna kif illum għandna qgħad f’Għawdex li hu seba’ darbiet anqas minn dak li ħalla gvern Nazzjonalista. Kompla kif Għawdex u l-Għawdxin se jkunu l-katalisti tat-trasformazzjoni diġitali u l-pijunieri tal-qalba ambjentali fejn ħabbar kif Għawdex se jkun l-ewwel post f’pajjiżna fejn id-domanda għall-enerġija tkun kollha kemm hi pprovduta minn sorsi rinovabbli.
“Din hi elezzjoni dwar pajjiżna, imma fuq kollox hi deċiżjoni dwar il-futur ta’ uliedna. Dak li ksibna sa issa huwa biss il-bidu ta’ dak li kapaċi niksbu flimkien. Malta Flimkien, il-futur sabiħ,” kkonkluda Dr Robert Abela.