Il-PM Robert Abela Jwiegħed Pjan Nazzjonali Għar-Riġenerazzjoni Soċjo-Ekonomika

 Il-PM Robert Abela Jwiegħed Pjan Nazzjonali Għar-Riġenerazzjoni Soċjo-Ekonomika

“Wara l-2013 mill-gvern ħloqna ekonomija vibranti, soda u b’saħħitha. U riżultat ta’ hekk l-investiment mis-settur privat infirex f’diversi bnadi tal-pajjiż. Irridu naħdmu biex dan il-ġid jinfirex f’aktar żoni fejn dan l-impatt għadu mhux jinħass biżżejjed. Bi strateġija ċara kristall.

Għal dan il-għan jekk tatuna l-fiduċja tagħkom se nniedu Pjan Nazzjonali għar-Riġenerazzjoni Soċjo-Ekonomika. Pjan li jistimula attività ekonomika u jtejjeb il-livell t’għajxien tan-nies, f’numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex”.

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela lbieraħ f’attività fil-Ħamrun, parti mill-kampanja elettorali.

Il-Mexxej Laburista qal li biex il-ħajja ta’ kulħadd titjieb irid ikun hemm investiment ukoll fil-komunitajiet li ngħixu fihom, għaliex kull lokalità trid tgawdi mill-irkupru ekonomiku ta’ wara l-pandemija. “Jien ottimist li anke hawn nistgħu naslu. Basta naħdmu flimkien”, qal il-Prim Ministru.

Bi studju se jintgħażlu l-lokalitajiet fejn jeħtieġ dan l-intervent, biex imbagħad jingħataw imbottatura. U għal dan il-għan Gvern Laburista ġdid se jgħin b’għadd kbir ta’ inċentivi.

Il-Prim Ministru ħabbar għotja ta’ €15,000 lil start-ups li jiftħu f’dawn il-postijiet, b’żieda mal-għajnuniet l-oħra li diġà tħabbru għall-istart ups; għajnuna lin-negozji eżistenti fl-istess lokalitajiet bil-finazjamnet ta’ 50% sa massimu ta’ €15,000, tal-ispejjeż biex itejjbu l-post minn fejn jaħdmu. L-għajnuna lil first-time buyers li jixtru proprjetà vakanti, f’żona ta’ konservazzjoni urbana tiġi rdoppjata meta r-residenza tkun fil-lokalitajiet identifikati bl-istudju. Negozji stabbiliti u oħrajn ġodda li jimpjegaw ħaddiema fil-lokalitajiet identifikati jingħataw għajnuna f’forma ta’ ħlas, kif spjegat fil-manifest elettorali.

Il-Mexxej Laburista qal li għal dawn il-proposti m’hemmx terms and conditions, kif qegħdin fil-manifest, isiru.

Ħabbar ukoll li ma’ dawn l-inizjattivi hemm ukoll proġetti partikolari u maħsuba, parti mill-pjan tas-€700 miljun fuq seba’ snin fl-ambjent u li jingħaqdu ma’ dawk imħabbra għall-Ħamrun u Santa Venera – minn tal-Pietà sal-Belt se jkun hemm trasformazzjoni sħiħa.

Semma li f’Albert Town se jsir proġett ta’ riġenerazzjoni. Għal Marsa max-xogħol kbir li għaddej hemm ukoll hub kulturali, filwaqt li din il-lokalità se tgawdi wkoll mir-riġenerazzjoni tal-port il-kbir.

“Iżda, daqskemm irridu lokalitajiet sbieħ irridu lokalitajiet siguri”, qal il-Prim Ministru Robert Abela. Għal li ġej l-esperjenza pożittiva tal-pulizija fil-komunità se tinfirex mal-pajjiż kollu.

Il-Mexxej Laburista qal li lill-korpi dixxiplinati se jissaħħulhom il-kundizzjonijiet tagħhom, bi ftehim kollettiv ieħor u aħjar fiż-żmien li ġej. Fost dawn, dawk li jibqgħu jaħdmu wara l-ħamsa u għoxrin sena servizz se jkollhom iċ-ċans li jsaħħu l-pensjoni tagħhom – proposta li tingħaqad ma’ għadd ta’ miżuri oħra li hemm fil-manifest.

Huwa fakkar li fl-aħħar sentejn ingħata ftehim ġdid lis-suldati, għall-ħaddiema tal-ħabs u għall-protezzjoni ċivili li fisser miljuni iktar fis-sena fi bwiet ta’ ħaddiema u familji.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com