Il-PM Robert Abela Saħaq Li L-PL Għandu Strateġija Biex Isalva L-Air Malta

 Il-PM Robert Abela Saħaq Li L-PL Għandu Strateġija Biex Isalva L-Air Malta

“Huwa possibbli li nwettqu l-miżuri għaliex magħna taf fejn qiegħed u hemm trackrecord ċar illi jitkellem għalina. Dak kollu li wegħdna mplimentajnih u hekk se nibqgħu nagħmlu.”

Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela lbieraħ filgħaxija waqt intervista fl-Orpheum il-Gżira parti mill-kampanja elettorali bit-tema Malta Flimkien immexxija minn Pablo Micallef.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif familja ta’ żewġ ġenituri li jaħdmu b’żewġ ulied taħt is-sittax-il sena li biż-żieda taċ-children’s allowance li se tħalli €2700, bit-twessigħ tal-inwork benefit li se jibbenifikaw minn €1000, rifużjoni tat-taxxa u tnaqqis fl-income tax li jammonta għal €3150, dawn kollha flimkien se jammontaw għal €6,850 li tfisser aktar flus fil-but ta’ familja b’dħul medju fuq medda ta’ ħames snin. U dan apparti inizjattivi oħra bħal tax refund fuq attivitajiet extrakurrikulari.

Dwar it-tħassib ta’ dak li għaddej fid-dinja, inkluż il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt negattiv fuq il-prezzijiet ta’ affarijiet essenzjali, l-Prim Ministru tenna li din “hija sfida m’hiex żgħira u nagħti garanzija li l-Maltin u l-Għawdxin kollha jekk jagħtuni l-fiduċja tagħhom li se nkunu qed nieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex nibqgħu nipproteġu lil poplu tagħna.”

Il-Prim Ministru qal li apparti li Gvern Laburista se jżomm l-istabbilità fuq l-prezzijiet tal-enerġija fid-dawl li qiegħdin jogħlew barra minn xtutna, bejn ilbieraħ u llum ġie konkluż qbil li se jwassal għal mekkaniżmu li bih il-Gvern se jgħin lill-importaturi ewlenin ta’ pajjiżna tal-qamħ u l-ġwież ikollhom il-likwidità neċessarja biex jimpurtaw ħażniet kif ukoll b’faċilitajiet ta’ ħażna fil-Kordin Grain Terminal biex b’hekk għax-xhur li ġejjin jiġu eleminati r-riskji ta’ nuqqas ta’ provista u l-impatt fuq il-prezzijiet ta’ prodotti.

Dwar il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, il-Prim Ministru sostna li Gvern Laburista kommess li pajjiżna jibqa’ jkollu linja nazzjonali tal-ajru. Huwa spjega li hemm futur għal linja nazzjonali tal-ajru u kien għalhekk li numru tax-xhur ilu Gvern Laburista ħa deċiżjoni strateġika li jsalva l-Air Malta.

Huwa tenna li l-linja nazzjonali tal-ajru għal pajjiżna sservi ta’ skop differenti forsi minn linji tal-ajru oħra kif spjega lil Kummissjoni Ewropea; l-ewwel minħabba l-qagħda geografika ta’ pajjiżna jiġifieri jekk ma jkollniex linja nazzjonali, l-konnettività ta’ pajjiżna tiġi problematika. It-tieni punt huwa it-turiżmu li jifforma madwar terz tal-ekonomija tagħna li tidħol il-ħtieġa bħala pajjiż li huwa neċessarju li rrid ikollna linja nazzjonali tal-ajru.

“Ninsabu fi pjan ta’ ristrutturar li din l-istess kumpanija tiġi waħda viabli u anke għaliex niżguraw li għal ħaddiema li se jibqgħu ingaġġati mal-kumpanija nagħtu kemm iċ-ċertezza u l-istabbilità. Il-pjan ta’ riforma tal-istess kumpanija miexi ‘l quddiem u wieħed tajjeb u l-mudell li se jkun qed jintuża fl-operat ta’ din il-linja nazzjonali huwa wieħed li qed juri sinjali pożittivi,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com