Il-PN Jgħid Li T-Tramm Propost Jgħaddi Minn 42 Lokalità Bejn Birżebbuġa U Ċ-Ċirkewwa F’6 Linji Ċirkolari

 Il-PN Jgħid Li T-Tramm Propost Jgħaddi Minn 42 Lokalità Bejn Birżebbuġa U Ċ-Ċirkewwa F’6 Linji Ċirkolari

“Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipprovdi soluzzjoni finanzjarjament vijabbli, realistika, effiċjenti tal-aħħar teknoloġija ta’ trasport tal-massa li kapaċi ttaffi b’mod drastiku l-problema ta’ konġestjoni ta’ traffiku. It-trackless tram li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista se jagħti alternattiva effiċjenti u puntwali għall-vettura privata, b’soluzzjoni aktar effikaċi minn dik imressqa mill-Gvern Laburista li tieħu 20 sena biex tiġi implimentata.”

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għat-Trasport Toni Bezzina, il-kandidata Janice Chetcuti u l-kandidat Frederick Aquilina.

Toni Bezzina spjega kif din is-sistema se tkun qed tikkonsisti f’sitt linji, b’disa’ Hubs, 13-il interchange u 25 waqfa, b’total ta’ 47 waqfa, b’rotot li jammontaw għal total ta’ 173km. B’hekk se jkunu qed jintlaqtu 42 lokalità. Kull linja topera fuq bażi ta’ ‘circular loop’, fejn it-trackless tram tgħaddi minn karreġġjata separata minn toroq arterjali u distributorji wara li jsir l-aġġustament neċessarju tal-karreġġjati eżistenti għall-immaniġġjar aktar għaqli tal-ispazju provdut mit-toroq tagħna.

Bezzina kompla jispjega li din is-sistema se tkun tinkorpora sistema ta’ ‘intelligent signalling’, li jippermetti li t-‘trackless tram’ tgħaddi mingħajr xkiel mit-toroq arterjali u distributorji ta’ pajjiżna. B’nefqa totali ta’ €2.8 Biljun, din is-sistema tkun konkluża u operattiva b’mod intier fi żmien 5 snin biss. “Għaldaqstant, din il-proposta kapaċi ssir f’inqas żmien, b’nefqa iżgħar u li tolqot ħafna aktar nies mill-Metro propost mill-Gvern Laburista, li skont il-manifest ippubblikat ilbieraħ teħtieġ aktar studji u dewmien għaliex lanqas il-gvern stess mhux konvint minnha.”

Toni Bezzina saħaq li l-PN fassal sistema li tiffoka fuq il-bżonnijiet tal-passiġġiera, telimina l-problemi tal-lum, tuża l-aħjar teknoloġija, li kapaċi tagħmel avvanzi ulterjuri fis-snin li ġejjin u sistema li minnha nnifisha kapaċi tilqa’ teknoloġiji differenti biex żżomm l-pass taż-żminijiet, tagħti valur miżjud lill-investiment li ġa sar u li tisfrutta l-flessibilita li pajjiż żgħir bħal Malta kapaċi jkollu.

Il-kandidata Janice Chetcuti tkellmet dwar kif din il-proposta hija waħda li tirrispetta l-ambjent u se tkun qed ittejjeb l-ambjent urban ta’ pajjiżna. It-trackless tram mhux se tkun teħtieġ skavar u għaldaqstant mhux se jinħoloq ammont eċċessiv ta’ materjal tal-kostruzzjoni, li skond il-proposta tal-Metro mill-Partit Laburista jlaħħaq l-għaxar miljun tunellata. Oltrè minn hekk, se tkun qed ittejjeb l-kwalità tal-arja billi tnaqqas id-dipendenza tan-nies fuq il-vettura privata.

Il-kandidat Frederick Aquilina spjega kif din il-proposta tindirizza x-xewqa taż-żgħażagħ Maltin li pajjiżna jkollu sistema ta’ trasport tal-massa effiċjenti li tgħolli l-livell ta’ għajxien tan-nies. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa trid sistema bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali u ż-żviluppi teknoloġiċi li telimina darba għal dejjem it-traffiku minn ġewwa pajjiżna u twassal għal aktar ħarsien tal-ambjent u tal-estetika ta’ Malta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com