Il-PN Jippublika L-Mudell Finanzjarju Tal-Viżjoni Tiegħu Sas-Sena 2030 – Jgħid Li L-Proposti Jiswew €5.97 Biljun

 Il-PN Jippublika L-Mudell Finanzjarju Tal-Viżjoni Tiegħu Sas-Sena 2030 – Jgħid Li L-Proposti Jiswew €5.97 Biljun

“Il-viżjoni trasformattiva tal-Partit Nazzjonalista li qed jippreżenta l-PN fil-programm elettorali tiegħu se twassal biex il-pajjiż idaħħal €42.6 biljun addizzjonali fuq medda ta’ tmien snin, dan filwaqt li se jinħolqu 32,500 post tax-xogħol ta’ kwalità b’paga medja ta’ €43,000. Dan minbarra eluf ta’ impjiegi oħra f’oqsma oħra tal-ekonomija.”

Dan kien il-qofol tal-messaġġ li wassal il-PN fi stqarrija hekk kif dalgħodu ppubblika d-dokument tal-costings, li juri li filwaqt li l-miżuri tiegħu jiswew €5.97 biljun, l-infiq tal-Gvern se jiġi rkuprat kollu kemm hu mit-tkabbir ekonomiku li se jiġġenera aktar dħul lill-gvern.

“Din hija l-ewwel darba li partit politiku f’Malta mhux biss qed jgħid kif se jonfoq il-flus ta’ min iħallas it-taxxi, iżda qed jipprovdi wkoll projezzjonijiet dettaljati ta’ kif beħsiebu jkabbar l-ekonomija,” tenna l-PN.

Il-mudell finanzjarju jinkludi programm ta’ stimolu għas-setturi ekonomiċi eżistenti tal-pajjiż b’valur miżjud għoli u l-ħolqien ta’ 10 setturi ekonomiċi ġodda.

Sal-2030, is-setturi eżistenti huma mbassra li se jżidu 18,160 impjieg ġdid u jikkontribwixxu €18-il biljun addizzjonali għall-Prodott Gross Domestiku, filwaqt li s-setturi l-ġodda huma proġettati li se jżidu 14,355 impjieg ieħor u kkontribwew €24.6 biljun għall-Prodott Gross Domestiku.

Il-programm tal-Partit Nazzjonalista għandu l-għan li jiġġenera tkabbir ekonomiku reali addizzjonali ta’ 6.9% fuq il-projezzjonijiet attwali.

Sas-sena 2027,  id-dħul miżjud tal-gvern mill-programm tal-Partit Nazzjonalista huwa mbassar li jilħaq it-€830 miljun fis-sena, mingħajr ma jiżdiedu l-ebda taxxi, kontribuzzjonijiet soċjali jew VAT.

Id-dokument jelenka wkoll l-ispiża ta’ €2.8 biljun tas-sistema ta’ Trackless Tram, li parti minnha se tkun koperta fil-baġit infrastrutturali stipulat fil-€5.97 biljun, filwaqt li l-bqija se jkunu koperti permezz ta’ fondi tal-UE u finanzjament privat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com