Il-PN Jressaq Rikors U Mandat T’Inibizzjoni B’Urġenza Wara Li L-Kummissjoni Elettorali Ma Laqgħetx It-Talba Biex Titħassar Il-Votazzjoni Fil-Ħabs
Wara d-deċiżjoni li ħadet il-Kummissjoni Elettorali li ma aċċettatx it-talba tal-Partit Nazzjonalista biex tiġi nulla l-votazzjoni li saret fil-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin, ilbieraħ filgħaxija l-PN ressaq quddiem il-Qorti mandat ta’ inibizzjoni u rikors.
Fir-rikors il-PN talab biex il-qorti tordna li jinfetħu dawk il-pakketti issiġillati li fihom il-lista tal-persuni intitolati jivvutaw fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kif ukoll dawk il-pakketti li fihom hemm kontenuti id-dokumenti tal-votazzjoni ta’ dawk il-persuni li vvutaw fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.
Il-PN talab ukoll lill-qorti tordna lill-Kummissjoni Elettorali u lir-Reġistraturi tal-Qrati Maltin u Għawdxin sabiex jippreżentaw lista ta’ dawn il-persuni li isimhom jinstab fil-lista ta’ eletturi u li huma skwalifikati milli jivvutaw kif ukoll sabiex jippreżentaw il-listi mgħoddija mir-Reġistratur tal-Qrati lill-Kummissjoni Elettorali.
Fi stqarrija ntqal ukoll li se ssir talba lill-Qorti biex tiddikjara li l-Kummissarju Elettorali Prinċipali u l-Kummissjoni Elettorali naqsu mill-obbligi tagħhom kif ukoll naqsu milli jassiguraw kif l-informazzjoni tasal għandhom mingħand ir-Reġistraturi tal-Qrati Maltin u Għawdxin skont l-obbligu tagħhom u għalhekk il-qorti tħassar il-votazzjoni li saret fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu 2022; u tordna lill-Kummissjoni Elettorali sabiex torganizza elezzjoni mill-ġdid fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin b’lista ta’ eletturi emdendata li teskludi lil dawk il-persuni li huma skwalifikati milli jivvutaw.
Fil-mandat ta’ inibizzjoni l-Partit Nazzjonalista qed jitlob ukoll biex il-qorti ma tħallix li tinfetaħ il-kaxxa li fiha saret il-votazzjoni qabel ma jkun hemm id-deċiżjoni tal-istess qorti.
Fir-reazzjoni tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino qal li l-PN mhu se jħalli xejn li jxekkel il-proċess demokratiku fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej u hu għalhekk li talab lill-Qorti biex b’urġenza tindirizza din il-problema.