Il-President George Vella F’Taħdita Mal-Istudenti Tal-Università Queen Mary F’Għawdex

 Il-President George Vella F’Taħdita Mal-Istudenti Tal-Università Queen Mary F’Għawdex

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella żaru għall-ewwel darba l-kampus tal-Università Queen Mary f’Għawdex.

F’sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba mal-istudenti, li ffukat fuq il-mediċina u t-tmexxija, il-President qal lill-istudenti li l-mediċina u l-politika huma ta’ servizz għall-ħaddieħor. Tkellem dwar il-fiduċja li jridu jibnu bil-mod il-mod billi jkunu ppreparati akkademikament, jisimgħu lill-pazjenti, u juru empatija magħhom. Waqt li tkellem dwar l-esperjenzi tiegħu fil-mediċina u fil-politika, il-President irrimarka li t-trasparenza, l-onestà, u l-kontabilità huma prinċipji importanti tul il-karriera tagħhom.

Mistoqsi fost oħrajn dwar il-prinċipji morali, il-President saħaq li dawn m’għandhom jinbidlu għall-ebda raġuni. Semma li huwa favur il-ħajja mill-bidu tal-konċepiment tagħha sal-mewt naturali. Għall-mistoqsija dwar il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, il-President spjega dwar iż-żieda fl-ispiża għall-mediċini tal-onkoloġija minn €1 miljun fl-2015 għal €14-il miljun is-sena li għaddiet.

Akkumpanjati mill-Professur Catherine Molyneux, id-Deputat Dekan tal-Università Queen Mary, il-President u s-Sinjura Vella żaru il-faċilitajiet ta’ taħriġ għall-istudenti tal-mediċina f’din l-università, fejn iltaqgħu ma’ uħud mill-245 student li jistudjaw fl-Università Queen Mary f’Għawdew, li mat-30% minnhom ġejjin mir-Renju Unit.​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com