Il-Pulizija Tarresta Raġel B’Rabta Ma’ Ħruq Ta’ Vettura
Ħidma konġunta bejn il-Pulizija mill-Arsons Unit fi ħdan l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett ta’ Tas-Sliema, wasslu għall-arrest ta’ Tork ta’ 34 sena, b’rabta ma’ ħruq ta’ karozza.
Nhar is-26 ta’ Frar li għadda, għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ filgħodu, il-Pulizija flimkien mal-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, intalbu jassistu fi Triq Clarence, lImsida, fuq vettura li kienet qed taqbad.
Wara li ntfew in-nirien, minnufih bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija waqt li ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit li ħatret inkjesta.
Wara biss ħamest ijiem ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija rnexxielha tidentifika l-allegat persuna li qabbad il-vettura u ġie arrestat ilbieraħ.
Huwa mistenni jitressaq il-Qorti llum, għal xi d-disgħa u nofs ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech.