Il-Purċissjoni Tal-Ġimgħa L-Kbira Fil-Belt Valletta Tibbenifika Minn Fondi Tal-Kunsill Malti Għall-Arti
L-Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss tal-Belt Valletta bħalissa għaddejja bi proġett kbir ta’ restawr tal-Oratorju li huwa is-sede tagħha u jinsab fi Triq Sant Ursola. Dan hu xogħol l-arkitett Giovanni Barbara u ġie mibni fil-bidu tas-seklu tmintax.
Permezz ta’ fondi mill-Kunsill Malti għall-Arti taħt L-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali, l-Arċikonfraternità ingħatat issomma ta’ €8,500 sabiex tirrestawra żewġt ikmamar li jinsabu fuq wara ta’ oratorju.
L-iskop ta’ dawn il-kmamar hu sabiex ikunu post ferm aktar adegwat ħalli fihom jintrefgħu kemm il-vestwarju kollu tal-purċissjoni kif ukoll bradelli u apparat ieħor li hu marbut ma’ waħda mill-eqdem purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira f’pajjiżna.
It-tieni kamra ser isservi ta’ post amministrattiv fejn is-sedja tkun tista’ taħdem b’aktar faċilità.
L-Arċikonfraternità qalet li ladarba il-proġett kollu ikun komplut, ser tkun qed trodd lura il-pubbliku, ġawhra fil-kapitali li apparti l-aspett arkitettoniku, fih insibu s-sett mill-isbaħ ta’ statwi tal-Ġimgħa l-Kbira kif ukoll sett pitturi ta’ importanza kbira Barokka ta’ Giuseppe D’Arena u Giovanni Nicola Buhagiar.