“Il-Purtelli Tat-Twieqi Ngħalqu Għall-Aħħar Darba…Iċ-Ċwievet Tal-Bibien Intrefgħu F’Posthom Għal Min Ġej Warajna L-Ġimgħa D-Dieħla…” – Sandro Mangion
“Il-purtelli tat-twieqi tal-uffiċini ngħalqu għall-aħħar darba, l-imejl tal-Gvern ġie ddiżattivat, it-tagħmir elettroniku ġie rritornat, u ċ-ċwievet tal-bibien intrefgħu f’posthom biex jingħataw lil min ġej warajna l-ġimgħa d-dieħla. Il-kuntratt tax-xogħol għadu kif skada b’riżenja awtomatika.”
Dan kien il-messaġġ li kiteb Sandro Mangion fuq il-mezzi soċjali tiegħu ftit tal-ħin ilu hekk kif issa uffiċjalment il-Ministeri u l-Uffiċju tal-Prim Ministru f’Kastilja għalqu l-bibien u jinsabu vojta sakemm il-ġimgħa d-dieħla terġa’ tibda leġislatura ġdida.
“Għasafar tal-passa, dak li aħna. Inservu meta u sakemm iriduna n-nies. Privileġġjat li reġa’ kelli l-opportunità li nagħti l-kontribut ċkejken tiegħi,” tenna Mangion.
Huwa qal li din kienet kampanja elettorali f’kuntest mhux tas-soltu. “Nammetti li, kif niftaħ għajnejja filgħodu, aktar kont inkun interessat li naqra l-aġġornamenti dwar il-kunflitt imdemmi mal-fruntiera tal-Unjoni Ewropea. Għax, nammettu, x’inhuma l-problemi tagħna ħdejn l-imrar li qed jixorbu huma?”
Sandro Mangion fisser kif waqt li f’Malta konna qed niddibattu dwar min se jgħin l-aktar lil min jixtieq li jkollu tarbija permezz tat-teknoloġija tal-prokreazzjoni assistita, hemmhekk missirijiet u ommijiet qed jaraw lil uliedhom jitilfu ħajjithom intortament kuljum.
“Filwaqt li hawnhekk konna qed nillitigaw dwar min se jiffranka l-aktar lil min se jixtri l-ewwel dar tiegħu, hemmhekk qed jaraw lil djarhom jiġġarrfu qishom tal-kartun taħt il-qilla tal-artillerija tal-għadu,” kompla jgħid Mangion fil-messaġġ tiegħu.
Huwa temm jgħid li minn nhar it-Tnejn, ikun xi jkun ir-riżultat, “ejjew nissuktaw nagħtu s-sehem ġenwin tagħna biex inkomplu nagħmlu d-differenza mhux biss f’pajjiżna stess iżda wkoll għal ġnus oħrajn li ninsabu f’pożizzjoni li nkunulhom ta’ sostenn.”