Il-Qorti Kostituzzjonali Ma Tilqax It-Talba Tal-PN U Tgħid Li M’Għandhiex Ġurisdizzjoni Biex Tiddeċiedi Dwar Din Il-Materja
Il-Qorti Kostituzzjonali ma laqgħetx it-talba li saret mill-Partit Nazzjonalista biex titħassar il-votazzjoni li saret fil-ħabs ta’ Kordin u terġa’ ssir. Dan wara li fl-aħħar sigħat il-PN ippreżenta rikors u fetaħ mandat ta’ inibizzjoni fil-konfront tal-Kummissjoni Elettorali wara li priġunieri li kienu interdettjati vvotaw xorta waħda.
L-Avukat Ian Refalo li deher għall-Kummissjoni Elettorali qal li l-Partit Nazzjonalista fil-perjodu ta’ 14-il jum li matulhom jistgħu jsiru l-korrezzjonijiet fir-reġistru elettorali seta’ japplika biex ineħħi persuni li ma kellhomx id-dritt li jivvotaw.
Minn naħa l-oħra l-Avukat Pawlu Borg Olivier li kien qed jassisti lis-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino qal li l-PN kull ma ried huwa li ssir reviżjoni tal-elezzjoni bikrija li saret fil-ħabs ta’ Kordin u bl-ebda mod ma’ kienet l-intenzjoni tagħha li twaqqaf jew itawwal il-proċess elettorali.
Il-PN qal li r-Reġistratur tal-Qorti kellu l-obbligu li jinforma lill-Kummissjoni Elettorali dwar dawn il-persuni li ma kellhomx il-jedd li jivvotaw.
Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajao u Anthony Ellul fid-deċiżjoni tagħhom qalu li mhux qed jilqgħu t-talba tal-PN. Huma qalu li l-Qorti m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar din il-materja.