Il-Vjolinist Ta’ Fama Internazzjonali Giuseppe Gibboni Se Jagħti Kunċert Fil-Manoel
It-Teatru Manoel u l-Fondazzjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Kultura (EUFSC) se jippreżentaw kunċert bis-sehem tal-vjolinist Taljan, rebbieħ ta’ bosta premjijiet, Giuseppe Gibboni. Concerto del Duo se jittella’ fis-16 ta’ Marzu fil-Manoel, bis-sehem ewlieni ta’ Mro Gibboni flimkien mal-pjanist magħruf internazzjonalment Giuliano Mazzoccante, li se jinterpretaw programm ta’ xogħlijiet klassiċi ta’ Brahms, Paganini, Wieniawski u Schnittke.
“Għandna pjaċir li se nilqgħu lil Giuseppe Gibboni u lil Giuliano Mazzoccante fit-Teatru Manoel għal Concerto del Duo,” qal il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, Massimo Zammit. “Ir-reputazzjoni ta’ Mro Gibboni titkellem għalih: huwa wieħed mill-aktar talenti straordinarji fid-dinja tal-mużika klassika, u għalina tassew privileġġ li se nkunu nistgħu nesperjenzaw din il-prestazzjoni ta’ darba minn stilla daqstant promettenti, live fuq il-palk tat-teatru nazzjonali.”
Giuseppe Gibboni twieled l-Italja fl-2001, u ggradwa mill-Konservatorju Martucci ta’ Salerno meta kellu biss 15-il sena. Minn dakinhar kompla l-istudji tiegħu u tgħallem taħt mużiċisti magħrufa fi stabbilimenti prestiġjużi fosthom l-Akkademja Stauffer ta’ Cremona, l-Akkademja Chigiana ta’ Siena, l-Akkademja Perosi f’Biella u l-Mozarteum f’Salzburg.
Sadanittant, il-vjolinist żagħżugħ ta bosta wirjiet bħala solist, u rebaħ l-ogħla premju f’diversi kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali. Fost l-aktar rebħiet prominenti kien hemm is-56 edizzjoni tal-Kompetizzjoni Internazzjonali tal-Vjolin Paganini, fejn kiseb rikonoxximent għall-interpretazzjoni tiegħu ta’ Capricci ta’ Paganini, kif ukoll fi Prodigi – La Musica è Vita, il-programm tar-RAI 1 bi sħab mal-UNICEF, fejn f’Novembru 2016 kien iddikjarat bħala r-rebbieħ tal-programm u sar magħruf bħala “il-Prodiġju Taljan”. Barra minn hekk irrekordja CD mal-kumpanija tad-diski Warner Classics, akkumpanjat mill-orkestra Busoni mmexxija minn Massimo Belli, u dan fost bosta ġrajjiet importanti oħra fil-karriera tiegħu.
Il-karriera mużikali tal-pjanist Giuliano Mazzoccante hija daqstant impressjonanti. Huwa studja fil-Konservatorju Luigi Cherubini f’Firenze, fl-Accademia Musicale Umbra f’Perugia, fl-Akkademja Ewropea tal-Mużika f’Erba, u l-International Chamber Music Academy fi Duino. F’kollaborazzjonijiet bħala pjanist ma’ artisti u għalliema mill-oqsma taż-żfin klassiku u t-teatru tal-opra, Mro Mazzoccante rebaħ numru kbir ta’ kompetizzjonijiet, fosthom l-40 edizzjoni tal-Kompetizzjoni Internazzjonali tal-Pjanu Arcangelo Speranza f’Taranto. Huwa deher bħala solist kif ukoll bħala mużiċist da camera f’lokalitajiet u festivals ewlenin Taljani u internazzjonali, flimkien ma’ orkestri distinti bħal Camerata Baltica, Lithuanian National Symphony Orchestra, Sinfonica Abruzzese u Sinfonica di Lecce. Filwaqt li ħareġ numru ta’ produzzjonijiet diskografiċi, Mro Mazzoccante huwa wkoll il-fundatur u d-Direttur Artistiku tal-Akkademja Internazzjonali tal-Mużika u l-Arti u d-Direttur Artistiku tal-Istaġun tal-Kunċerti ta’ Teatru Marrucino, it-tnejn li huma fi Chieti, u d-Direttur Artistiku tal-Festival Internazzjonali tal-Mużika u Kompetizzjoni tal-Pjanu In Musica, f’Ruma.
F’Concerto del Duo, iż-żewġ Maestri Gibboni u Mazzoccante se jsaħħru lill-udjenza fit-Teatru Manoel bi programm li jinkludi Violin Sonata no 3 in re minore Op.108 ta’ Johannes Brahms, Variazioni su un Tema originale Op.15 ta’ Henryk Wieniawski, u A Paganini ta’ Alfred Schnittke. Siltiet oħra li jispikkaw fil-programm jinkludu kemm Selezione dai Capricci Op. 1 (No: 1-5-24) kif ukoll La Campanella, dal Concerto no 2 in si minore Op.7 tal-vjolinist u kompożitur Taljan rinomat – u l-virtuoso tal-vjolin l-aktar ċelebri ta’ żmienu – Niccolò Paganini.
“Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-EUFSC huwa li tippromwovi l-kompożituri tal-mużika klassika, Maltin u oħrajn, madwar id-dinja,” qal Konstantin Ishkhanov, il-President tal-Fondazzjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Kultura. “Kuntenti ħafna li se ntellgħu dan il-kunċert, bi programm li jiċċelebra l-240 sena mit-twelid ta’ wieħed mill-aqwa kompożituri ta’ kull żmien – Niccolò Paganini.”
Concerto del Duo se jittella’ fit-Teatru Manoel fis-16 ta’ Marzu 2022 fit-8pm. Il-kunċert huwa addattat għal membri tal-udjenza li għandhom sitt snin jew aktar, u jikkonforma mar-rakkommandazzjonijiet kurrenti rigward is-saħħa pubblika. Il-biljetti jinkisbu permezz ta’ email lil [email protected], billi ċċempel fuq (+356) 21246389 jew inkella online minn www.teatrumanoel.mt