Il-Votazzjoni Għada Tiftaħ Fis-7am U Tintemm Fl-10pm – Votanti Li Se Jsiefru Jistgħu Jaqbżu L-Kju
Il-Kummissjoni Elettorali fakkret lill-pubbliku li l-ħinijiet tal-votazzjoni għall-elezzjoni ġenerali ta’ għada s-Sibt, 26 ta’ Marzu, se jkunu bejn is-7am u l-10pm bla waqfien.
Kulħadd għandu jara li jmur fl-indirizz tal-post tal-votazzjoni li hemm miktub fuq id-dokument tal-vot tiegħu.
Il-Kummissjoni Elettorali għarrfet ukoll li kull persuna li tostakola jew iżżomm l-aċċess ħieles ta’ votant milli jivvota tkun ħatja ta’ reat skont il-liġi.
Il-Kummissjoni Elettorali tavża wkoll li għada se tingħata l-faċilità lill-votanti li jkunu se jsiefru f’dan il-jum stess biex jaqbżu l-kju. Dawn il-persuni għandhom jieħdu magħhom prova dokumentata tas-safar u juruha lill-pulizija inkarigat fiċ-ċentru tal-votazzjoni.
L-użu ta’ mobile phones, cameras, jew apparat tal-fotografija huwa projbit fil-postijiet tal-votazzjoni. Min jinqabad jieħu ritratt/video u jekk jinstab ħati ta’ dan ir-reat, jista’ jeħel multa u/jew priġunerija, hekk kif stabbilit fl-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali.