Illum Il-Poplu Malti Jivvota U Jagħżel Gvern Għal Ħames Snin Li Ġejjin
Mat-tokki tas-7am infetħu 116-post tal-votazzjoni f’pajjiżna fit-13-il distrett elettorali madwar Malta u Għawdex. B’kollox hemm 742 kaxxa tal-voti li dalgħodu ġew issiġillati kollha.
F’din l-elezzjoni ġenerali hemm madwar 340,000 persuna li għandhom dritt jivvutaw. Dan wara li 14,473 persuna baqgħu ma ġabrux id-dokument tal-vot tagħhom.
L-aktar żewġ distretti li minnhom ma nġabrux voti huma l-għaxar u t-tnax-il distrett.
F’din l-elezzjoni hemm seba’ ċentri ta’ votazzjoni għal votanti li huma pożittivi għall-Covid-19 jew fi kwarantina, li jinsabu f’Ħal Far, Pembroke, l-MCAST Raħal Ġdid, Life Science Park f’San Ġwann, Ta’ Qali, Smart City, l-isptar Mater Dei u x-Xewkija. Huwa stmat li mal-4,200 votant jista’ jivvota f’dawn iċ-ċentri.
Tard matul il-jum joħroġ ir-riżultati tal-ewwel ‘turnout’ sas-2pm jiġifieri ta’ kemm persuni ħarġu jivvutaw fl-ewwel seba’ sigħat. Il-votazzjoni mbagħad tibqa’ miftuħa għal 8 sigħat oħra sal-10pm.
Wara l-10pm isir ir-rikonċiljazzjoni tal-voti u l-kaxxi jibdew it-triq tagħhom lejn il-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, fejn jibda l-proċess li jibdew jinfetħu l-kaxxi u jinħarġu l-voti wiċċhom l-isfel u filgħodu jibda l-proċess tal-għadd.
Ritratt: TVM