Imħabbra Aktar Proposti Biex Jiżdied L-Investiment Fl-Edukaturi

 Imħabbra Aktar Proposti Biex Jiżdied L-Investiment Fl-Edukaturi

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela sostna li prijorita’ oħra ta’ Gvern ġdid Laburista se joffri kundizzjonijiet aħjar għall-edukaturi.

F’laqgħa mal-Unjin għall-Għalliema (MUT) u l-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE), il-Prim Ministru Robert Abela preżenta numru ta’ proposti fejn jekk jingħata l-fiduċja, se jkun qed jiżgura li jiġu implimentati.

“L-edukaturi għandu jkollhom irwol ikbar ta’ policy-makers filwaqt li nkomplu ninvestu f’taħriġ kontinwu biex jiġu attirati aktar studenti lejn il-professjoni tal-għalliema u titnaqqas aktar il-burokrazija u xogħol amministrattiv biex l-għalliema jkunu jistgħu jiffukaw aktar fuq it-tagħlim. Dan kollu paripassu mal-investiment infrastrutturali qawwi fl-iskejjel tagħna.”

Il-proposti li ħabbar il-Prim Ministru f’dawn il-laqgħat huma:

  • Gvern Laburista ġdid joffri kundizzjonijiet aħjar għall-edukaturi. Dan ifisser titjib sinjifikanti ieħor fil-pagi tal-għalliema fil-ħames snin li ġejjin. Studenti li qed jistudjaw biex jilħqu kindergarten educators jew learning support educators kollha jibdew jirċievu ħlas waqt it-teaching practice huma wkoll.
  • Nemmnu li l-edukaturi għandu jkollhom irwol akbar ta’ policy-makers u hemm bżonn li jkunu integrati aħjar fir-riċerka u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Filwaqt li nsaħħu d-djalogu mal-edukaturi u r-rappreżentanti tagħhom, jitwaqqaf ċentru tar-riċerka indipendenti mill-Gvern. Dan iċ-ċentru ser iservi ta’ inkubatur ta’ innovazzjonijiet fil-qasam edukattiv. Ikollu l-opportunità li jikkollabora ma’ ċentri ta’ riċerka internazzjonali, kumpaniji ta’ riċerka lokali u entitajiet governattivi fi proġetti ta’ riċerka fuq sistemi edukattivi u metodi ta’ tagħlim għall-preżent u l-futur.
  • Kull bidla, f’kull livell tas-sistema edukattiva tagħhna trid tieħu inkonsiderazzjoni l-impatt li kellha l-pandemija fuq l-istudenti u l-mod ta’ kif isir it-tagħlim. Miftuħin għall-idea li nżommu ċertu prattiċi li ħadmu tajjeb waqt il-pandemija bħall-parents’ day.
  • Ser intellgħu d-diskussjoni li diġà bdiet dwar il-homework u l-ħin liberu tat-tfal fuq livell nazzjonali. Irridu nimxu lejn sistema edukattiva mingħajr il-bżonn tal-homework.
  • Nagħrfu l-ħtieġa li rridu nattiraw aktar studenti lejn il-professjoni tal-għalliema. Minbarra t-titjib fil-pagi, l-għalliema ser jaraw titjib ieħor fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Inkomplu ninvestu fit-taħriġ kontinwu tagħhom b’toroq ċari għall-progress fil-karriera. Naħdmu biex innaqqsu aktar il-burokrazija u x-xogħol amministrattiv biex l-għalliema jkunu jistgħu jiffokaw aktar fuq it-tagħlim.
  • Inkomplu bl-investiment qawwi fl-iskejjel bil-bini ta’ skejjel ġodda u r-rinovar mill-ġdid ta’ oħrajn. Ser isir investiment estenżiv fl-immodernizzar tal-klassijiet u ninstallaw sistemi ta’ arja kkundizzjonata fil-klassijiet u staff rooms fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex.

Iż-żewġ unjins irringrazzjaw lill-Partit Laburista li jirrikonoxxi  l-importanza tal-edukaturi f’pajjiżna u lill-Prim Ministru li dejjem ta widen u kien disponibbli fl-aħħar xhur. Huma ppreżentaw ukoll proposti ġodda għall-elezzjoni ta’ din is-sena.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima u l-kandidati Alison Zerafa Civelli u Amanda Spiteri Grech.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com