Imħabbra Proposti Mill-Partit Laburista Li Bihom Se Jibbenefikaw Is-Sajjieda
Fl-attività li saret f’Marsaxlokk ilbieraħ, il-Mexxej Laburista ħabbar ukoll proposti li jingħaqdu mal-inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar snin bħala appoġġ għas-sajjieda: Diskussjoni mal-banek dwar il-possibilità li jinħolqu strumenti finanzjarji speċifikament biex jappoġġaw lill-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda; investiment fil-bini mill-ġdid tal-breakwater ta’ Marsaxlokk man-naħa ta’ Delimara; tkompli l-ħidma biex jittejjbu l-faċilitajiet ta’ landing sites u l-infrastruttura fil-portijiet tas-sajjieda; jitnedew skemi ta’ kumpens għal sajjieda li jirtiraw u jagħżlu li jittrasferixxu inġenji, liċenzji u bastimenti tagħhom lil sajjieda żgħażagħ; ikunu introdotti strumenti finanzjarji li jkunu aċċessibbli għal sajjieda li jridu jixtru l-ewwel bastiment tagħhom u; għajnuna lis-sajjieda biex jaddottaw prattiċi, tagħmir u rkapti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u jnaqqsu mill-ispejjeż tagħhom.
Waqt l-intervista l-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-proċess tal-FATF u qal li l-ħidma mhux se tieqaf ma’ tmiem il-proċess tekniku. “Nemmen li minn sfida se nkunu ħloqna opportunità li trid iwassal biex jinġib iktar investiment u jinħolqu iktar opportunitajiet”, qal il-Mexxej Laburista.
Filwaqt li ma’ Gvern Laburista n-negozji għandhom u se jkollhom kull spazju biex jaħdmu, għas-snin li ġejjin Partit Laburista fil-Gvern se jagħmel iktar, fuq quddiem nett, il-ġlieda, kontra l-burokrazija żejda.
Ħabbar ukoll li se jkunu ċentraliżżati l-proċessi kollha ta’ due diligence tal-awtoritajiet u l-entitajiet kollha f’pajjiżna, miżura li se tiffranka l-flus lin-negozji u tgħinom jiffukaw biex itejjbu l-operat tagħhom.
Din il-ġimgħa, t-tielet ġimgħa tal-kampanja se tkun ġimgħa oħra pożittiva. Dwar il-kandidati f’isem il-Partit Laburista l-Prim Ministru qal, “Għandna kandidatura b’saħħitha. Taħlita ta’ esperjenza u ħafna żgħażagħ. Waħda mill-isbaħ affarijiet f’dan it-tim hu li filwaqt li bqajna niġġeddu, anke mill-gvern, huwa tim li joffri ċertezza u stabbiltà”.
“B’Malta Flimkien nibdlu għall-aħjar ħajjet in-nies. Ħajjet il-Maltin u l-Għawdxin”, qal il-Partit Laburista fl-istqarrija.