Imniedi Proġett Pilota F’Postijiet Storiċi Għal Persuni Bi Problemi Fil-Vista

 Imniedi Proġett Pilota F’Postijiet Storiċi Għal Persuni Bi Problemi Fil-Vista

Persuni bi problema fil-vista se jkunu jistgħu japprezzaw binjiet storiċi f’pajjiżna b’riżultat ta’ proġett pilota li tnieda mill-Ministru għall-Inklużjoni, Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli. Il-proġett jikkonsisti minn 14-il installazzjoni, tabelli taċ-ċeramika replika tal-faċċata tal-binja storika li quddiemha tkun tinsab l-installazzjoni u li fuqha jkun hemm QR code li permezz tal-mobile personali tagħha l-persuna konċernata tingħata dettalji b’rabta mal-binja storika li tkun quddiemha.

Is-sistema taħdem billi l-persuna tħoss b’idejha t-tabella taċ-ċeramika li hija magħmula apposta u b’hekk tieħu idea tal-forma tal-faċċata tal-binja. It-tieni element jitħaddem billi l-persuna kkonċernata, permezz tal-mobile tagħha, tagħmel scan ta’ QR Code li jkun hemm fuq kull installazzjoni u tisma’ dettalji b’rabta mal-binja storika b’mod li tkun tista’ tifhem dak li tkun qed tisma’.

Dan il-proġett pilota se jkun qed jitħaddem f’żewġ postijiet li huma kkunsidrati bħala li l-aktar jattiraw lejhom turisti, l-Imdina u l-Belt Valletta, u t-tabelli nħadmu fuq pariri u gwida mill-Malta Guide Dogs Foundation. Fiż-żewġ postijiet se jkunu installati 14-il installazzjoni, sebgħa fl-Imdina u sebgħa fil-Belt Valletta.

F’diskors li għamlet għal din l-okkażjoni, il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li għalkemm qiegħda ssir enfasi fuq l-element turistiku, il-proġett hu mmirat ukoll għal dawk il-Maltin u l-Għawdxin li għandhom problema fil-vista li bħat-turisti wkoll għandu jkollhom il-faċilità japprezzaw dak li joffri storikament pajjiżna.

Is-seba’ binjiet storiċi fl-Imdina li quddiemhom se jkun hemm dawn l-installazzjonijiet ta’ għajnuna għal persuni bi problema fil-vista huma Palazzo Vilhena, it-Torri tal-Istandard, il-Courte Capitanela, il-Banca Giuratale, il-Katidral tal-Imdina u l-Mużew tagħha, kif ukoll il-Bieb tal-Griegi. Is-sebgħa fil-Belt Valletta huma l-Berġa ta’ Kastilja, il-Funtana ta’ Wignacourt, il-Parlament, Palazzo Ferreria, il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Biblioteka Nazzjonali u l-Palazz tal-Granmastru.

Waqt din it-tnedija tkellmet ukoll Joan Sheridan li kienet waħda mill-imħuħ wara din l-idea, flimkien ma’ żewġha Chris u l-kollega Glorianne Mizzi. Hi spjegat kif l-għan ewlieni kien li tinħoloq aċċessibilità għall-istorja kulturali u monumenti importanti fl-Imdina u fil-Belt Valletta għal persuni nieqsa mid-dawl. Qalet ukoll li bil-ħila ta’ esperti tal-artiġġjanat Malti nħolqu dawn il-plakek li jirrappreżentaw dettall arkitettoniku ta’ monumenti importanti. Sheridan qalet li l-idea hi li fil-futur mhux talli jiżdiedu dawn il-plakek fl-ibliet talli jidhru dawn it-tip ta’ plakek f’diversi rħula u bliet f’Malta u Għawdex.

Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-proġett pilota kien hemm ukoll is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit u s-Sindku tal-Imdina, Peter Sant Manduca.

Is-Sindku tal-Belt Valletta faħħar dan il-proġett u qal li għandhom jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex persuni nieqsa mid-dawl ikollhom aċċess għal dawn is-siti storiċi f’pajjiżna.

Is-Sindku tal-Imdina Peter Sant Manduca qal li dan il-kunċett hu importanti ħafna għall-Imdina, kemm għar-residenti u anke għat-turisti li se jżuru din il-belt storika. Saħaq li dan il-kunċett se jkompli jżid l-aċċessibilità anke għat-turist.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com