Imut Iż-Żagħżugħ Ta’ 20 Sena Li Ħabat F’Siġra U Nqaleb Fil-Baħrija

 Imut Iż-Żagħżugħ Ta’ 20 Sena Li Ħabat F’Siġra U Nqaleb Fil-Baħrija

Tilef ħajtu Robert Azzopardi ta’ 20 sena, iż-żagħżugħ li kien involut f’inċident tat-traffiku kmieni s-Sibt filgħodu.

Huwa kien qed jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei fejn miet ftit tal-ħin ilu.

Matul dawn il-jumejn bosta ħbieb kitbu fuq il-mezzi soċjali tiegħu biex jawgurawlu fejqan ta’ malajr u kuraġġ fosthom sħabu l-plejers ta’ Rabat Ajax.

L-aċċident seħħ is-Sibt li għadda, għall-ħabta tas-6:45am, fi Triq Bieb ir-Ruwa, il-Baħrija limiti tar-Rabat.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li l-vittma, tilef il-kontroll tal-vettura tat-tip Peugeot u b’konsegwenza t’hekk seħħ impatt ma’ siġra u nqalbet.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lix-xufier l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Madanakollu sfortunatament huwa tilef ħajtu jumejn wara fl-Isptar Mater Dei.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com