Inawgurat Ġnien Belvedere Fil-Marsa Wara Xogħol Estensiv Li Sar
Ġnien Belvedere fil-Marsa nfetaħ għall-pubbliku wara li sar xogħol estensiv permezz ta’ investiment minn Ambjent Malta u mill-Awtorità għall-Ippjanar.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, flimkien mad-Direttur għal Proġetti Ambjentali fi ħdan Ambjent Malta Josianne Muscat, maċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ippjanar Martin Saliba u mas-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi.
Il-Ministru spjega li Ambjent Malta tat għajnuna finanzjarja li tammonta għal madwar €356,000 biex twettaq ix-xogħlijiet fuq il-bini tal-ġibjun tal-ilma, bini ta’ passaġġi ġodda, pavimentar u tikħil u żebgħa ta’ passaġġi. L-Awtorità għall-Ippjanar, permezz tad-Development Planning Fund, kompliet tikkontribwixxi għal €100,000 oħra.
Minbarra din il-kontribuzzjoni monetarja diretta li ngħatat lill-Kunsill Lokali, Ambjent Malta tat għajnuna diretta: fil-provvista u fl-installazzjoni ta’ bankijiet u ta’ bins; fil-provvista u fl-installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl ġdida; fit-titjib tas-soft areas, permezz taż-żbir tas-siġar taż-żebbuġ, livellar tal-ħamrija, qtugħ u tħammil tal-ħaxix u tħawwil ta’ 750 siġra u arbuxelli; fl-installazzjoni ta’ sistema ta’ tisqija; fl-installazzjoni tas-sistema CCTV; fl-installazzjoni taċ-ċint u tal-gradi; fl-installazzjoni ta’ sinjali ġodda u fir-restawr tal-funtana ewlenija u tindif.
“Il-Ġnien Belvedere fil-Marsa jinsab bejn Triq Stefano Zerafa u Triq Diċembru Tlettax u huwa wieħed mill-pulmuni tal-Marsa. Dan il-ġnien hu mogħni b’numru ta’ siġar maturi u rkejjen fejn wieħed jista’ jgawdi ħin ta’ mistrieħ. Maż-żmien inħass il-bżonn li jsir titjib biex dan il-post jissebbaħ u ċerti faċilitajiet jiġu aġġornati. Kien għalhekk li ddeċidejna li nirranġaw dan il-ġnien u nagħtuh l-attenzjoni li tixraqlu, però biex sar dan ix-xogħol kien meħtieġ li tiġi investita somma kapitali konsiderevoli. Illum f’dan il-ġnien tħawlu numru ta’ siġar, arbuxelli, tneħħiet veġitazzjoni mhix mixtieqa kif ukoll sar soft landscaping, tagħmir għat-tisqija, sistemi ta’ sigurtà, dwal sostenibbli kif ukoll titjib ieħor fl-istess ġnien,” qal il-Ministru Farrugia.
Ritratti: DOI