Inawgurat Il-Proġett Ta’ Akkomodazzjoni Soċjali Fis-Swatar B’73 Appartament

 Inawgurat Il-Proġett Ta’ Akkomodazzjoni Soċjali Fis-Swatar B’73 Appartament

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ilbieraħ indirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-blokok ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali fiż-żona magħrufa bħala tas-Sisla fis-Swatar, Birkirkara, fejn ħabbar li tlesta l-proġett li qed jinkorpora fih 73 appartament li se jagħtu tama ġdida lil madwar 73 familja filwaqt li joffri għadd ta’ garaxxijiet u servizzi anċillari lill-komunitajiet ta’ madwar.

Dan il-proġett huwa parti mill-inizjattiva tal-gvern li jiżviluppa 1,700 dar ta’ akkomodazzjoni soċjali b’investiment li jlaħħaq il-€110 miljun.

Il-Ministru Roderick Galdes iddeskriva l-proġett bħala monument soċjali li se jifdi l-bżonnijiet mhux biss tal-lum, imma se jibqa’ f’idejn il-Maltin u l-Għawdxin biex jibqa’ jindirizza l-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Fakkar li mill-bidu tal-leġiżlatura l-gvern qal li kien se jindirizza l-bżonnijiet li kien hemm f’dan is-settur b’kull mezz li jew ġa kellu f’idejh jew li kellu bżonn jinħoloq. Il-ministru qal, “Ħloqna metodu li permezz tiegħu stajna nifhmu, nagħdru u nibnu sistema ta’ housing li toffri s-soluzzjonijiet”.

“Illum qed niftħu l-ewwel sit minn serje ta’ binjiet li fihom se jkunu qed jidħlu familji ġodda kull xahar sas-sena 2023. Sit li waħdu biss jinkludi 73 appartament ġdid u li allura se jilqa’ fih 73 familja ġdida. Dan skont l-Istrateġija ta’ Allokazzjoni li ppreżentajna bl-aktar mod trasparenti f’Ottubru 2021″, qal il-ministru.

Dan il-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali ġie ffinanzjat u amministrat mill-kumpanija tal-investiment Malita Investments p.l.c, filwaqt li l-proġett ġie mmaniġġjat mill-kumpanija Social Projects Management Limited. Issa li l-proġett tal-bini u tal-finishings ġie finalizzat, jgħaddi għand l-Awtorità tad-Djar sabiex l-appartamenti jiġu allokati lill-benefiċjarji li jkunu għaddew mill-għarbiel tal-istess awtorità.

Il-Ministru Roderick Galdes ikkonkluda li, “Illum li wasalna, ngħid biss, li għax konvinti mill-proċess, mill-għarbiel tal-Awtorità tad-Djar, konvinti wkoll mill-bżonn ġenwin ta’ dawk kollha li se jkunu qed jidħlu f’dawn id-djar. Għaldaqstant, xogħolna lkoll flimkien, bħala komunità waħda, huwa li naħdmu fuq l-integrazzjoni, l-inklużjoni biex inkomplu nsiru soċjetà waħda, magħquda u aktar ġusta”.

Il-Kap Eżekuttiv ewlieni tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mckay qal, “Illum hu sinjifikanti għax minbarra li qed niċċelebraw ftuħ ta’ binja ġdida qed niċċelebraw ukoll politika ġdida. L-akbar mixja li nħoss li saret hija li m’għadniex naraw il-housing soċjali kompletament separat minn riformi oħra. Hija mira tagħna wkoll li dawn il-binjiet ma jservux biss ta’ kenn għal min ser jiġi joqgħod ġo fihom. Nixtiequ li jservu wkoll bħala għodda għall-mobbiltà soċjali”.​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com