Inawgurata ‘Ġiżimina’ – Residenza Fil-Komunità Għall-Persuni B’Diżabilità Fiż-Żurrieq

 Inawgurata ‘Ġiżimina’ – Residenza Fil-Komunità Għall-Persuni B’Diżabilità Fiż-Żurrieq

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli inawgurat residenza ġdida fil-komunità għall-persuni b’diżabilità fiż-Żurrieq b’investiment ta’ €850,000.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat kif din ir-residenza se toffri spazju lil 11-il persuna b’diżabilità biex jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità, filwaqt li jgawdu minn faċilitajiet aċċessibbli u tal-ogħla kwalità.

Il-Ministru qalet li permezz tal-Proġett Soċjetà Ġusta, flimkien ma’ Aġenzija Sapport u ma’ għaqdiet non-governattivi, infetħu 15-il residenza fil-qalba tal-komunità, filwaqt li permezz ta’ Aġenzija Sapport se jkomplu jiżdiedu residenzi oħra, fosthom dik li tħabbret diġà f’Ħad-Dingli, oħra fil-Qrendi u residenza li hi proġettata f’Ħal Kirkop. B’dan il-mod, Aġenzija Sapport waħedha se jkollha 14-il residenza fejn tilqa’ persuni b’diżabilità.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Sciberras irringrazzjat lill-ħaddiema kollha li fl-aħħar tliet snin ħadmu f’kollaborazzjoni sabiex dan il-proġett seta’ jitwettaq. Hi spjegat li Ġiżimina tkompli żżid mar-residenzi għall-persuni b’diżabilità, dar oħra li tkompli turi l-pożittività ta’ Proġett Soċjetà Ġusta, li bil-ftuħ ta’ dawn ir-residenzi, qed ikompli jagħti opportunità lil persuni b’diżabilità għal ambjent ta’ familja, inklużjoni fil-komunità u spazju aċċessibbli u modern fejn jistgħu jakkwistaw aktar ħiliet għal għajxien indipendenti.

Is-Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, Rita Grima qalet li l-Kunsill se jagħmel ħiltu biex dawn ir-residenti jintegraw mal-kumplament tal-komunità u li jkunu anke parteċipi fl-attivitajiet organizzati.

Din ir-residenza tikkonsisti f’maisonette u tliet appartamenti li joffru spazju separat lir-residenti. Din il-binja toffri wkoll spazju għal taħriġ u laqgħat, kif ukoll uffiċċju għall-ħaddiema. Il-binja hi mgħammra b’faċilitajiet moderni u aċċesibbli.

Aġenzija Sapport tiżgura li s-servizz li jingħata lir-residenti jkun ta’ kwalità għolja u skont l-istandards maħruġa mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali. ​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com