Inawgurata Klinika Kommunitarja Ġdida Fil-Ħamrun
Minn għada, madwar 15,000 resident tal-Ħamrun u l-Marsa se jkunu jistgħu jaċċessaw servizzi tas-saħħa primarja minn klinika kommunitarja ġdida li nfetħet fil-Ħamrun. Din il-berġa ġiet inawgurata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Kommunitajiet Alex Muscat.
F’din il-berġa, minnbarra s-servizz ta’ tabib u infermier, se jkunu qed jiġu offruti wkoll servizzi ta’ podjatrija, fiżjoterapija, speech and language pathology, teħid tad-demm u klinika għall-iscoliosis. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li din hija waħda minn 18-il berġa li saru madwar Malta u Għawdex fl-aħħar sentejn.
“Fl-aħħar ġimgħat fil-qasam tal-kura primarja, minbarra din il-berġa nfetħu wkoll dik ta’ Marsaskala u Ħal Tarxien, kif ukoll infetaħ mill-ġdid iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira. Dan hekk kif aħna kommessi li nagħtu l-aqwa servizz tas-saħħa viċin in-nies,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat tenna l-impenn li jkomplu jinfetħu aktar ċentri tas-saħħa komunitarji fl-ibliet u l-irħula kollha madwar Malta u Għawdex iffinanzjati mill-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali. “Il-ftuħ tal-berġa tas-saħħa fil-Ħamrun, hija it-18-il ċentru tas-saħħa fil-komunità li ftaħna sa issa. Dan li jfisser l-investiment. Li nkomplu ninvestu fil-qasam tas-saħħa ta’ pajjiżna, u nibqgħu nqassmu dan il-ġid lil kulħadd,” qal is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat.
Ritratti: DOI