Inawgurata Klinika Multi-Dixxiplinarja Fil-Mellieħa
Fid-dar tal-anzjani tal-Mellieħa, ġiet inawgurata klinika multi-dixxiplinarja mgħammra b’apparat speċjalizzat li se jibda jintuza minn professjonisti fil-qasam tas-saħħa, fosthom fiżjoterapisti, psikoterapisti, terapisti okkupazzjonali, speech language pathologists, podologists, infermiera, tobba u ġerjatriċi.
Waqt il-ftuħ tal-klinika, li saret b’investiment ta’ madwar €26,000, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li dan huwa pass ieħor minn kullana ta’ servizzi li qegħdin jingħataw fid-djar tal-anzjani, bl-iskop li jkunu iżjed aċċessibbli għall-anzjani, speċjalment dawk vulnerabbli li jkun izjed diffiċli għalihom jattendu sptar.
Il-pjan huwa li jkun hemm klinika bħal din f’kull dar tal-anzjani.
Il-bżonn għal din il-klinika kien ilu jinħass, l-aktar waqt il-perjodu tal-pandemija. Is-servizz kien jiġi pprovdut fil-kamra tar-resident, bla privatezza filwaqt li issa, il-klinika se tipprovdi spazju fejn il-klijent jieħu t-trattament u jitkellem b’mod privat mal-professjonisti.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-iskop huwa li din il-klinika tipprovdi servizz lil 180 resident fid-Dar tal-Mellieħa, fi spazju sigur u privat, u l-pjan huwa li eventwalment is-servizz jiġi estiż għar-residenti ta’ Casa San Paolo u Casa Serena f’San Pawl il-Baħar kif ukoll għar-residenti fil-komunità tal-Mellieħa u l-madwar.
“Iktar importanti mill-valur, huwa l-mod ta’ kif qed intejbu l-ħajja tal-individwu. Qed nieħdu inizjattivi ġodda biex l-anzjani nkunu nistgħu nkomplu nagħtuhom l-aqwa servizzi, norganizzawlhom iżjed attivitajiet u nagħtuhom iżjed opportunitajiet biex jibqgħu attivi”, temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.
Ritratti: DOI