Inawgurata T-Tieni Fażi Tal-Malta National Park B’Investiment Ta’ €15-il Miljun
Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura t-tieni fażi tal-Malta National Park f’Ta Qali b’investiment ta’ €15-il miljun.
B’enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja, il-Prim Ministru tenna li l-politika tal-Gvern trid tkun ċċentrata madwar il-bżonn li kulħadd f’pajjiżna jħossu qed jgħix aħjar.
“M’hemmx dubju li dak li qed ninawguraw jikkontribwixxi bil-kbir għal dan il-għan. Għax il-kwalità tal-ħajja ddur ma’ diversi fatturi. L-opportunitajiet għal kulħadd, ix-xogħol, l-edukazzjoni u s-servizz tas-saħħa fost oħrajn. Iżda ċentrali ukoll, hemm il-ħin ta’ rilassament u hawn qed nagħtu wieħed mill-isbaħ postijiet fejn il-familji jistrieħu.”
B’referenza għax-xogħlijiet li għaddejjin f’din iż-żona, fosthom fil-crafts village li wasal għall-aħħar fażijiet tiegħu, għas-Central Link, Buqana u l-Għeriexem, il-Prim Ministru sostna li dawn huma xhieda ta’ kif f’dan il-pajjiż irridu u se nkomplu nilħqu livelli ġodda.
“Dawn huma proġetti li se jgawdu minnhom il-Maltin kollha. Għalhekk, kien f’loku l-investiment ta’ miljuni ta’ ewro biex hawn il-familji mhux biss isibu ambjent sabiħ, imma se nkunu tajna l-ħajja mill-ġdid dan l-ispazju li issa jista’ jitunża kemm filgħodu u kemm filgħaxija.”
Il-Prim Ministru kkonkluda bil-viżjoni li dan il-Gvern għandu għal pajjiżna. Viżjoni li taspira li dan il-proġett ma jibqax l-ikbar għaliex jitwettqu proġetti ferm iktar ambizzjużi.
“Dak li qed ninawguraw illum hu ċertifikat ta’ kredibbilità, Huwa l-prova tar-rieda li għandna li ninvestu f’ambjent aħjar. Il-garanzija ta’ kif fiż-żmien li ġej se niksbu kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.”
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg fakkar kif din iż-żona, sa ftit tas-snin ilu, kienet fabbrika tal-concrete mingħajr ebda użu u fi stat ta’ abbandun. Huwa qal li dan il-gvern kien wieħed li ħa azzjoni u li għażel li minflok jirriġenera din iż-żona għal użu industrijali għażel li joħloq ħolma nazzjonali li l-poplu kien ilu għatxan għaliha.
“Hekk kif ftit tax-xhur ilu inawgurajna l-Adventure Park, il-ħidma intensifikat u llum qegħdin ninawguraw it-tieni fażi ta’ dan il-proġett ambjentali. Daqs sittin ground tal-futbol, qegħdin nagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi l-akbar investiment ambjentali li qatt ra pajjiżna. Nemmnu li l-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom dak kollu li huwa l-aqwa għaliex dan il-gvern, jimpurtah mill-familji, miż-żgħażagħ, mill-anzjani, mit-tfal. U għaldaqstant nixtieq b’mod speċjali nirringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li f’dawn l-aħħar ħames snin ħadmu bla rażan sabiex komplejna nsebbħu l-lokalitajiet tagħna bi spazji miftuħa għall-familji u għall-uliedna. Għalhekk, inħares anke ‘l quddiem sabiex anke fi ftit jiem oħra nżidu mal-kullana ta’ spazji miftuħa.”
It-tieni fażi kienet tinkludi investiment f’xogħlijiet li jinkludu tisbiħ permezz ta’ installazzjoni u twaħħil ta’ landscaping li jammonta għal miljun ewro, pavimentar ġdid, rijabilitazzjoni tal-funtana u tal-anfiteatru u installazzjoni ta’ dwal li jaħdmu b’istema ta’ artificial intelligence.
Ġiet kreata wkoll żona fejn jistgħu jiġu esebiti xogħlijiet t’arti u installazzjonijiet ta skultura.
Ritratti: DOI