“Int, Ejja Kun Miegħi Nhar Is-Sibt Li Ġej, U Wara Nhar Is-Sibt Li Ġej Jien Se Nibqa’ Miegħek Għal Malta” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech
F’mass rally li sar ilbieraħ minkejja l-isfidi tat-temp f’Tas-Sliema, il-Kap tal-PN Bernard Grech saħaq dwar l-importanza li wieħed joħroġ jivvota lil Partit Nazzjonalista.
“Ġimgħa oħra għandkom f’idejkom iċ-ċavetta għal dan il-futur. Ċavetta importanti, ċavetta li tista’ terġa’ tagħti futur isbaħ lil dan il-pajjiż. Futur isbaħ lilek, lill-familja tiegħek, lill-uliedek,” tenna Dr Bernard Grech.
Il-Kap tal-PN fid-diskors tiegħu fakkar dwar stejjer li qed joħroġu fuq Robert Abela meta kien jaħdem bħala konsulent legali tal-MEPA. Grech qal li apparti li sar magħruf li l-kumpanija tiegħu kienet qed tieħu €28,000 fix-xahar kif ukoll li daħal f’kuntratt għal biċċa art ma’ Christian Borg fl-istess jum li fih ħareġ il-permess tal-istess art, issa ġew żvelati stejjer oħra dwar il-villa fuq art ODZ li xtara Robert Abela ħamest ijiem wara li nħareġ permess li qatt ma kellu jingħata.
“Villa li ddikjara li xtara €600,000 li bil-permess li nħarġilha ġiet tiswa mill-inqas €2 miljun,” tenna Grech filwaqt li żied jgħid li “apparti t-€28,000 li kien jieħu fix-xahar, sa issa nafu li gwadanja mal-miljun u nofs ewro f’żewġ deals.”
Fid-dawl ta’ dawn l-akkużi kollha, Dr Bernard Grech sfida lil Robert Abela biex jippubblika r-rapport li ġie ppreżentat lill-kummissarju tat-taxxa dwar il-valur ta’ din il-propjetà fiż-Żejtun. Dan filwaqt li jsifidah ukoll jippubblika r-rapport tal-osservazzjoni mill-Perit tal-Gvern biex jikkonferma dan l-istess valur.
“Ejja naraw min hu l-vera serial tax evader, imissek tistħi imma min jidħak l-aħħar jidħak l-aħjar!”
Dwar dan l-iskandlu l-Kap tal-PN semma wkoll dwar storja oħra li kixfet Times of Malta fejn qalet li Robert Abela kien qed juża wkoll din il-villa biex jikriha lill-persuna Russi li jkunu xtraw iċ-ċittadinanza, mingħajr ma’ dawn verament kienu qed jgħixu fiha.
Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech Grech saħaq li l-partit huwa ffukat fuq il-viżjoni pożittiva għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. Huwa żied jgħid li mal-PN kulħadd jaf fejn qiegħed għax għandu pjan dwar fejn irid jieħu l-pajjiż sal-2030.
“Lanqas kienu għadhom għaddew tliet t’ijiem mill-bidu l-kampanja, li ma ħrignix b’programm ta’ viżjoni. Ħaddieħor dam tliet ġimghat biex joħrog ktejjeb ikkupjajt,” tenna Dr Bernard Grech, filwaqt li semma l-biljun ewro li se jkunu investiti fl-għaxar setturi ekonomiċi ġodda.
Saħaq li l-oqsma tal-PN huma oqsma li minbarra li jieħdu ħsieb l-ambjent, ma jippreġudikawx ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ pajjiżna, kif qed jiġri bil-bejgħ tal-passaporti u bil-cryptocurrency. “Din hija l-viżjoni ekonomika tal-PN…ekonomija sostenibbli, risponsabbli u b’identità ċara!”
“Din hija s-serjetà fil-politika. Is-serjetà li noħolqu programm ta’ xprunar ta’ investiment bil-ħolqien ta’ għaxar setturi innovattivi f’pajjiżna,” tenna l-Kap tal-PN, filwaqt li kompla jispjega kif il-manifest tal-PL jinkludi fih paragrafi li ma jfissru xejn fosthom paragrafu li “jgħidlek li jrid jindirizza l-għoli tal-ħajja,imma ma jgħidx kif se jagħmel dan.”
Il-Kap tal-PN Bernard Grech saħaq li mal-PN kulħadd jista’ jaħdem b’mod ugwali. Huwa ħeġġeġ lil kulħadd joħroġ jivvota, “biex ma nħallux lil min ilu hemm għaxar snin ikompli jaħkem kollox taħt idejh.”
“Aħna nemmnu fik. Minn dejjem emminna fik. U se nibqgħu hemm għalik u miegħek. Għax miegħek nistgħu inġibu d-differenza. Għax miegħek nistgħu nirnexxu. Għax miegħek nistgħu noħorġu lil dan il-pajjiż mill-isqaq li daħlu fih Robert Abela. Iva Miegħek. Jien konvint li nhar is-Sibt li ġej għax jien Miegħek…Miegħek għal Malta se nerġgħu naqbdu r-rotta li pajjiżna tant għandu bżonn. Int ejja kun miegħi nhar is-Sibt li ġej, u wara nhar is-Sibt li ġej jien se nibqa’ miegħek għal Malta.” temm jgħid Dr. Bernard Grech.