Investiment Ta’ €1.7 Miljun F’Makkinarju Ġdid Biex Il-Protezzjoni Ċivili Toffri Iżjed Protezzjoni Għal Kulħadd

 Investiment Ta’ €1.7 Miljun F’Makkinarju Ġdid Biex Il-Protezzjoni Ċivili Toffri Iżjed Protezzjoni Għal Kulħadd

Kien imħabbar kif id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed ikun imħejji dejjem aktar biex joffri iżjed protezzjoni f’bosta forom ta’ għawġ li jista’ jinqala’.

F’kollaborazzjoni bejn il-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta u dik ta’ Sqallija, flimkien mal-Università ta’ Malta, ta’ Palermo u ta’ Catania, sar investiment ko-finanzjat b’fondi Ewropej ta’ €590,000 biex il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili jkunu mħejjija għal każijiet ta’ Tsunami.

Ma’ dan kienu inawgurati wkoll erba’ Rescue vehicles (RV4) b’investiment ta’ €1,100,000. Dawn l-inġenji jolqtu fatturi differenti f’każijiet ta’ salvataġġ jew inċidenti ta’ traffiku u huma mgħammrin b’makkinarju li bih il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili jkunu kapaċi jassistu lil min ikun f’periklu fuq għoljiet, u min l-vettura tiegħu tkun intradmet, jew f’ħabta. Ma’ dawn żdiedu wkoll tlett karozzi oħra SUVs, dinghy, żewġ vannijiet kbar li kapaċi jittrasportaw tal-inqas erbgħa u għoxrin persuna u tlett towable trailers mgħammrin b’għodda sabiex tkun tista’ tingħata assistenza fil-pront, u l-ħaddiema jkollhom il-loġistika li tinkludi provediment sa seba’ t’ijiem ta’ ħidma konsekuttiva.

Dan kollu kien inawgurat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, fil-preżenza tad-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila, u diversi uffiċjali oħra tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif mal-progress kollu li għaddej f’Malta u Għawdex, se jitkompla l-investiment qawwi fis-sigurtà ta’ pajjiżna u fil-protezzjoni għan-nies. Dr Camilleri żied jgħid kif fi żmien ta’ sfidi bla preċedent, bil-kriżijiet kollha li ġabet magħha l-pandemija, kemm fuq livelli ta’ saħħa, kif ukoll fuq fl-aspetti ekonomiċi, il-Gvern baqa’ jsaħħaħ l-investiment fis-setturi tas-sigurtà, bil-għan li jibqa’ jkollna soċjetà protetta.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif il-proġett mħabbar huwa wieħed mill-proġetti li qed jiġu ffinanzjati taħt il-programm Interreg Italia-Malta 2014-2020 fejn ġew magħżula diversi proġetti li jikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tat-territorji, permezz tal-protezzjoni tal-ambjent, il-promozzjoni tal-wirt kulturali, u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja u s-saħħa taċ-ċittadini.

L-investimenti kontinwi fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkomplu għaddejjin bil-għan ewlieni li pajjiżna jkun iżjed sigur, u biex il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili jkunu preparati dejjem iżjed għal meta jinqala’ għawġ imprevedibbli.​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com