Investiment Ta’ €570,000 Fil-Lokalità Tal-Marsa Biex Fost Oħrajn Tkun Restawrata L-Faċċata Tal-Knisja
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar tliet investimenti fil-lokalità tal-Marsa, li hija wkoll il-Lokalità Kulturali 2022. L-investiment ta’ madwar €570,000 jinvolvi r-restawr tal-Knisja tat-Trinità Qaddisa, l-installazzjoni ta’ numru ta’ CCTV cameras, kif ukoll vann għall-komunità Marsija li se jkun operat mill-Kunsill Lokali tal-Marsa.
Il-Ministru Herrera spjega li minkejja li l-knisja għad għandha biss 100 sena, hemm numru ta’ interventi xi jsiru biex ma tkomplix tiddeterjora u b’hekk ikunu jistgħu jippreservaw din il-binja biex tkompli titgawda minn aktar ġenerazzjonijiet futuri.
Kompla li bħalissa diġà għaddej xogħol ta’ preparamenti fosthom surveys, applikazzjonijiet biex jinkisbu l-permessi neċessarji u anke tħejjija għas-sejħa għall-offerti sabiex fix-xhur li ġejjin jingħata bidu għax-xogħol ta’ tiswija u restawr fuq il-faċċati ta’ din il-knisja.
Il-Ministru ħabbar ukoll investiment ieħor ta’ installazzjoni ta’ CCTV cameras f’diversi toroq madwar il-Marsa. Dawn se jiġu installati wara li saret verifika ambjentali mill-Community Policing Team. Hawnhekk il-Ministru Herrera rringrazzja lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Community Policing Team għall-għajnuna tagħhom.
Huwa sostna li dawn ic-CCTV cameras se jgħinu biex jitnaqqsu l-abbużi li qed isiru f’diversi arterji prinċipali tal-lokal. Sostna li hemm il-ħsieb li dan il-proġett jibda wkoll fil-lokalitajiet tal-madwar, fosthom fil-Ħamrun.
Il-Ministru Herrera spjega li t-tielet investiment huwa li l-Kunsill Lokali tal-Marsa qed jibbenefika minn vann bħala parti mill-iskema għall-proġetti relatati mal-aċċessibbiltà u l-mobbiltà li ħareġ id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali riċentament. Dan il-vann li se jkun operat mill-Kunsill Lokali tal-Marsa, ser jibbenefikaw minnu dawk l-anzjani li jkollhom bżonn xi tip ta’ għajnuna.
Il-Ministru Herrera sostna li permezz ta’ dawn l-investimenti ċert li ser iħallu l-impatt mixtieq mir-residenti u titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-komunità Marsija.
Ritratt: DOI