Ir-Russi Jattakkaw Teatru B’1,000 Ruħ Li Kienu Qed Jistkennu Fih

 Ir-Russi Jattakkaw Teatru B’1,000 Ruħ Li Kienu Qed Jistkennu Fih

Hekk kif l-attakki fuq l-Ukrajna mir-Russi daħlu fit-tielet ġimgħa tagħhom fl-aħħar sigħat ħarġet l-aħbar dwar attakk orribbli li seħħ fil-belt Ukrena ta’ Mariupol.

Diversi rapporti kkonfermaw kif truppi Russi ibbumbardjaw it-Teatru Reġjonali ta’ Donetsk, li kien qed jintuża biex jistkennu n-nies fih.

Skont il-Viċi Sindku ta’ Mariupol, Serhiy Orlov, fit-teatru kienu qed jistkennu bejn 1,000 u 1,200 persuna.

Fi stqarrija, il-Kunsill ta’ Mariupol iddeskriva dan l-attakk bħala orribbli u diżuman. Bil-President Ukren Zelenskyy jikkonferma li t-teatru kien distrutt totalment, bin-numru ta’ mejta għadu mhux magħruf. Dan minħabba li minħabba li l-attakki għadhom għaddejjin ma jistgħux jassistu lill-vittmi.

Min-naħa l-oħra l-Ministru tad-Difiża Russa qed jiċħad dan l-attakk.

F’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren, Dmytro Kuleba qal li dan huwa attakk orribbli u li l-forzi Russi ma setgħux ma kinux jafu li f’dan it-teatru kien hemm mijiet ta’ persuni li ma jaħtu xejn u li kienu qed jistkennu mill-bumbardamenti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com