Iż-Żona Ta’ Pjazza Federico Maempel F’Ħal Qormi Se Tkun Rinnovata B’Investiment Ta’ €1.2 Miljun
Iż-żona ta’ Pjazza Federico Maempel f’Ħal Qormi se tkun rinnovata b’investiment ta’ €1.2miljun.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri fejn spjega kif din iż-żona se tkun qed tingħata ħajja ġdida sabiex tiġi mitgawda minn residenti Qriema.
“Dwar dan il-proġett ftaħna id-diskussjonijiet tagħna mal-Kunsill Lokali tal-istess lokalità kif ukoll liema diskussjonijiet saru wkoll mal-Fondazzjoni tal-Benesseri tas-Soċjetà immexxija mill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca fejn flimkien identifikajna aħjar il-bżonnijiet tat-tfal kollha biex nassiguraw li dan l-ispazju miftuħ jitgawda minn kulħadd” spjega l-Ministru Schembri.
Fuq medda art ta’ 3400 metru kwadru, l-ispazju miftuħ se jinkludi librerija b’żona għall-qari ddedikata lil għalliem u Surmast Anthony Coleiro, faċilitajiet sanitarji mtejba nkluż kamra separata li sservi ta’ changing room għat-trabi, ħabitat għall-għasafar, bankijiet aħjar u moderni, gabbana aġġornata nkluż mwejjed u siġġijiet, mogħdijiet imtejba li jipprovdu aċċessibilità sħiħa, żona tal-Yoga u tal-medjazzjoni mdawra bi ġnien aromatiku, tagħmir ġdid għall-bandli għat-tfal, bini ta’ spazju ġdid aċċessibli minn Pjazza Federico Maempel biex jintuża għad-diskrezzjoni tal-Kunsill Lokali flimkien ma’ diversi għaqdiet tal-lokalità. Dan filwaqt li se jkunu miżrugħa għadd ta’ siġar u pjanti indiġeni, sistema ta’ irrigazzjoni u installazzjoni ta’ cameras tas-sigurtà. Dan filwaqt li ebda siġra eżistenti m’hija se titneħħa għall-fatt li l-ġnien ġie ddisinjat madwar l-istess siġar.
“Se nagħmlu minn din iż-żona il-qalb tħabbat tal-Qriema , post ta’ rikreazzjoni u rilassament li se jkun hemm mfittex minn kulħadd” qal il-Ministru Schembri li żied jgħid li applikazzjoni għal permessi tressqu u x-xogħol se jibda fis-Sajf li ġej.
Kien spjegat kif aktar minn €2 miljun se jkunu nvestiti minn Indis Malta bħala parti minn proġetti ta’ Corporate Social Responsibility li se jkunu qed isiru fil-Mellieħa, Ħal Qormi, Ħal Safi, Xewkija Għawdex , Siġġiewi u Ħad-Dingli.
Il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca stqarret kif il-ġnien jirrifletti x-xewqat tat-tfal stess li esprimew l-importanza tal-inklussività. Żiedet tgħid li Ħal Qormi ta ħafna lejn l-ekonomija ta’ pajjiżna fl-isfond li hu mdawwar minn 7 żoni industrijali u għalhekk permezz tal-ġnien il-kommunita’ se tkun qed tgawdi kif jixraq.