Jason Azzopardi U Karol Aquilina Jgħidu Li Se Jikkontestaw L-Elezzjonijiet Każwali
Jason Azzopardi u anke Karol Aquilina f’messaġġi fuq il-mezzi soċjali qalu li se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni każwali sabiex b’hekk jitilgħu fil-Parlament minflok Deputati li jkunu ċedew posthom minħabba li jkunu telgħu minn żewġ distretti. Skont l-Istatut tal-PN il-kandidati għandhom iċedu d-distrett li fih kiseb l-inqas voti.
Jason Azzopardi qal li se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni każwali għaliex japprezza u għandu rispett lejn il-votanti tad-Disa’ Distrett li wrew fiduċja fih. “B’rispett lejhom ser nitfa’ ismi, anke jekk jien realistiku ħafna u naf li ftit hemm ċans għalija,” temm jgħid Azzopardi.
Intant Karol Aquilina rringrazzja wkoll lil dawk kollha li wrew fiduċja fih kif ukoll qal li jinsab sodisfatt li fl-Għaxar Distrett kiseb kważi tliet darbiet iktar voti mill-elezzjoni tal-2017. “Lill-votanti kollha tad-9 u l-10 distrett nassigurahom li fil-jiem li ġejjin se nkun qed nieħu kull pass li jeħtieġ nieħu biex l-voti tagħhom jissarfu bil-mod kif xtaqu huma,” temm jgħid Aquilina.