“Jekk Id-Dinja Tingħaqad Flimkien, Il-Gwerra Tispiċċa Għada” – Il-Kantanta Ukrena Ruslana
Il-kantanta Ruslana tfakkarna fid-diska rebbieħa tal-Eurovision, diska li għamlet suċċess kbir madwar id-dinja lura fl-2004.
Illum Ruslana tinsab f’nofs gwerra bħal kumplament tal-poplu Ukren li għaddejjin minn żmien diffiċli u perikoluż.
Waqt kollegament fuq il-programm Topik, Russlana qalet li bħalissa ma tistax iġib il-ferħ bid-diska ‘Wild Dancers’ minħabba li dan inbidel f’attakki feroċi fuq l-Ukrajna b’missili u splużjonijiet mill-qawwiet Russi.
Bħalissa Russlana qalet li tinsab fuq il-muntanji Carpathian fejn flimkien ma’ nies oħra qed jaħdmu xogħol volontarju biex jippreparaw ikel għan-nies.
Tenniet li l-poplu Ukren qed jiġġieled għal pajjiżu ħafna drabi anke mingħajr armi. “L-Ukreni qed jiġġieldu biex ikunu indipendenti, liberi u sabiex ikollhom ħajja sabiħa,” saħqet Russlana.
Hija qalet ukoll li ħafna suldati Russi qed iċedu dan wara li bosta suldati lanqas biss ikunu jafu li qed jiġġieldu kontra l-poplu Ukren. Hi qalet li uħud mill-qraba tas-suldati qed jgħidu li dawn ittieħdu jiġġieldu din il-gwerra b’informazzjoni ħażina.
“Jekk id-dinja tingħaqad flimkien, il-gwerra tispiċċa għada,” temmet tgħid Ruslana.
Ara l-filmat: