Jibda X-Xogħol Ta’ Riġenerazzjoni Fiż-Żona Industrijali Ta’ Ħal Luqa B’Investiment Ta’ €5 Miljun

 Jibda X-Xogħol Ta’ Riġenerazzjoni Fiż-Żona Industrijali Ta’ Ħal Luqa B’Investiment Ta’ €5 Miljun

Beda x-xogħol li se jagħti dehra ġdida u aħjar liż-żona industrijali ta’ Ħal Luqa u li minnha se jgawdu mal-120 negozju żgħar u medji. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt li pprovda d-dettalji dwar ix-xogħol li beda fiż-żona.

Mal-850 metru ta’ toroq se jingħatalhom wiċċ ġdid u dan ix-xogħol jinkludi wkoll 1,013 metru ta’ pavimentar. Barra minn dan se jkunu aġġornati s-servizzi fejn hu neċessarju, li jinkludu dawl aħjar fit-toroq, marki tat-toroq u tabelli.

Ir-riġenerazzjoni tinkludi wkoll il-bini ta’ infrastruttura li minnha jingħaddew servizzi u bini ta’ substation ġdida li se tkun qed ittejjeb il-provvista tal-elettriku. Ix-xogħol jinsab fi stadju avvanzat fejn qed isir ukoll il-bini ta’ 150 metru ta’ toroq ġodda, f’żona fejn qatt ma kienu saru qabel. B’rabta ma’ dan, bħalissa għaddejjin xogħlijiet li jinkludu tħaffir  ta’ trinek għas-servizzi l-ġodda, spazji ta’ parkeġġ u tisbiħ taż-żona.

Barra minn hekk, bit-titjib fl-infrastruttura u fl-aċċessibbiltà taż-żona, se jinħolqu żewġ plots ġodda u spazju ġdid ta’ 210 metru kwadru għan-negozji. Bir-riġenerazzjoni, din iż-żona se żżid il-kapaċità li fiha tilqa’ negozju ġdid.

 

“Dan huwa upgrade ta’ żoni industrijali li jipprovdu ambjent aħjar għall-ħaddiema ħabrieka tagħna. Bħala gvern aħna ċari; dak li nwiegħdu nwettquh, u bl-istess mod li konna ta’ spalla man-negozji fil-maltemp, se nimxu magħhom id f’id fil-bnazzi. Xogħol bħal dan jippermettilkom tinvestu aħjar fl-operat tagħkom u tkomplu toħolqu l-impjiegi”, żied jgħid il-Ministru Schembri.

“Qed inħarsu lejn żoni industrijali iżjed attraenti u għalhekk se jitħawlu pjanti biex iż-żona tingħata dehra isbaħ u tilqa’ iktar lil min jagħmel użu minn din iż-żona industrijali – kunċett li se naraw li jkun estiż f’żoni industrijali oħra. Dan l-investiment huwa parti mill-programm ta’ investiment infrastrutturali industrijali ta’ €470 miljun, li l-implimentazzjoni tiegħu skattat u li gradwalment se narawh jagħmel bidla fiż-żoni industrijali ta’ pajjiżna, kif jixirqilna għal ekonomija ta’ ġid għal kulħadd,” qal il-Ministru Schembri.

Il-Ministru Schembri rrimarka li f’xenarju ta’ sfida, l-ekonomija Maltija esperjenzat tkabbir li jiżboqq dak esperjenzat f’perjodu ta’ qabel ma faqqgħet il-pandemija.

“Bl-istess mod li qed insaħħu l-infrastruttura industrijali ta’ pajjiżna, bħala gvern irridu niżguraw li nkomplu nħallu iżjed flus fil-but lill-familji u lin-negozji Maltin u Għawdxin. Impetus ħolistiku li jippermetti lin-negozji jinvestu u lill-familji jgħixu aħjar. Għalhekk, l-impenn tagħna għas-snin li ġejjin ikompli, fejn bħala gvern aċċertajna li fil-futur qarib iktar familji jgawdu minn tnaqqis fit-taxxa u minn iżjed dħul. L-istess għan-negozji żgħar u medji li bit-tnaqqis ta’ 10% fit-taxxa tal-kumpaniji se twassal għal injezzjoni ta’ mitt miljun ewro fl-ekonomija tagħna”, temm jgħid il-Ministru Schembri.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com