Jitħabbar Pjan Għar-Riġenerazzjoni Tal-Pont Tax-Shell F’Birżebbuġa B’Investiment Ta’ €4 Miljun
B’investiment ta’ €4 miljun, il-pont ta’ Birżebbuġa, magħruf aħjar bħala l-Pont tax-Shell, se jingħata lura għat-tgawdija tar-residenti, ħabbret il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.
Dan il-pont, b’tul ta’ 180 metru, kien jifforma parti mill-impjant tal-31 ta’ Marzu li ngħalaq fix-xhur li għaddew wara li l-gvern investa €70 miljun biex l-operazzjoni tal-ħażna u d-distribuzzjoni tal-fuel mxiet f’Ħas-Saptan. Fil-fatt, f’Lulju tas-sena l-oħra ħareġ l-aħħar vapur tal-fuel minn ġol-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa.
Il-pont imur lura għal għexieren ta’ snin u fil-passat ġieli kien jintuża wkoll min-nies tal-lokal biex jistadu minn fuqu jew mill-għawwiema.
“Sa ftit tax-xhur ilu, dan il-pont kien jintuża sabiex il-vapuri jħottu l-fjuwil li mbagħad jiġi maħżun fit-tankijiet. Għalhekk huwa ta’ sodisfazzjon mhux biss li din l-operazzjoni ċċaqalqet mill-qalba ta’ Birżebbuġa, imma qed nipproponu dan il-proġett biex il-pont ikun jista’ jitgawda mir-residenti u mill-viżitaturi b’mod sigur,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru spjegat li fl-ewwel fażi ta’ dan il-proċess, il-gvern ħaseb biex din l-istruttura tiġi trasformata f’żona pedonali b’numru ta’ faċilitajiet, inkluż dak li noħolqu spazju ġdid għall-għawm għar-residenti tal-madwar.
Għal dan ix-xogħol huwa ppjanat li titneħħa l-infrastruttura tal-fuel u partijiet mill-infrastruttura tal-konkrit u jiġu ssodati l-pilastri diġà fil-post. Fl-istess ħin, se tinbena struttura ġdida ta’ madwar 1,500 metru kwadru li tifforma ż-żona pedonali l-ġdida. Din l-istruttura se tinkludi aċċess għall-baħar, f’forma ta’ deck u taraġ għal aċċess aktar sigur għall-għawwiema.
“Dan kollu se jsir b’investiment ta’ €4 miljun. Fil-pass li jmiss, se tkun qed tiġi ppreżentata applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex b’hekk jingħata bidu għall-permessi meħtieġa biex isir dan ix-xogħol,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Saħqet li se jkun hemm proċess ta’ konsultazzjoni mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi sabiex ikunu studjati l-aħjar metodi. Dan biex ikun assigurat li x-xogħlijiet meħtieġa jsiru mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent marittimu.
Attendew is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Anthony Gatt, il-Perit Godwin Agius u l-Perit Sean Buttigieg li ħadmu fuq id-disinn tal-proġett, kif ukoll il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.
Ritratti: DOI