Jitlesta L-Proġett Tal-Qattara B’Investiment Ta’ €10 Miljun Għal Użu Aktar Sostenibbli Tal-Ilma Tal-Pjan
B’investiment ta’ €10 miljun, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma lestiet il-proġett tal-Qattara bil-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ilma fit-togħma tiegħu u jnaqqas il-pressjoni minn fuq l-ilma tal-pjan.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-ġibjun tal-Qrendi, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjegaw li dan il-proġett ifisser aktar sostenibbiltà fl-użu tar-riżorsi naturali ta’ pajjiżna.
“B’dan il-proġett, 1,000 persuna li kienu jużaw ilma li ġej direttament mill-borehole, issa ġew imqabbda ma’ servizz li jagħmel użu wkoll mill-ilma tar-Reverse Osmosis. B’hekk qed naraw li ma jkunx hemm overextraction tal-ilma tal-pjan filwaqt li l-kwalità tal-ilma tkun waħda tajba fit-togħma tiegħu,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li permezz ta’ dan l-investiment li qed isir kofinanzjat minn fondi Ewropej, se noffru lin-nies tal-madwar provvista ta’ ilma ta’ kwalità aħjar.
Dr Zrinzo Azzopardi qal li l-għan tal-proġett huwa li nkomplu ntejbu s-servizzi pprovduti mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma lill-pubbliku u li nilħqu l-ogħla livell ta’ effiċjenza operattiva tal-korporazzjoni filwaqt li fl-istess ħin innaqqsu l-impatt tal-operazzjonijiet fuq l-ambjent u r-riżorsi naturali.
L-investiment fuq il-ġibjuni fil-Qrendi inkludew b’50km ta’ pajpijiet biex itejbu d-distribuzzjoni tal-ilma f’żoni remoti fis-Siġġiewi u f’Ħaż-Żebbuġ ukoll.
Il-proġett ta’ Qattara ngħata bidu fl-2019 fejn beda t-tħaffir ta’ 32 kilometru ta’ trinek biex jiġu installati madwar 50km ta’ pajpijiet li se jwasslu għas-sistema tal-boreholes lejn il-ġibjuni. F’dan il-proċess, l-ilma tal-pjan se jiġi direzzjonat lejn il-ġibjun tal-Qrendi biex imbagħad jitħallat ma’ dak tar-Reverse Osmosis.
“Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’investiment bla preċedent fejn qed inkomplu naħdmu biex intejbu l-kwalità tas-servizz provdut liċ-ċittadini tagħna,” saħqet il-Ministru Dalli.
Dawn il-proġetti jinkludu l-ewwel Reverese Osmosis f’Għawdex, mina bejn Ta’ Qali u Pembroke – li se tkun qed twassal għal titjib tal-ilma f’lokalitajiet ċentrali kif ukoll upgrades madwar Malta, biex fis-snin li ġejjin il-korporazzjoni tkun tista’ twassal ilma tal-vit b’togħma tajba, ħalli b’hekk ikun hemm konformità f’kull naħa ta’ Malta u ta’ Għawdex.
Ritratti: DOI