Kumpanija Farmaċewtika B’Investiment Ta’ €22 Miljun F’Faċilitajiet Lokali Ġodda
Il-kumpanija multi-nazzjonali, Torrent Pharma, se tkun qed tiftaħ sussidjarja Maltija biex tkun iċ-ċentru Ewropew tal-Loġistika u l-Kontroll tal-Kwalità għall-prodotti farmaċewtiċi li jidħlu fis-swieq regolati. L-investiment kapitali minn din il-kumpanija Indjana huwa ta’ €22 miljun, bil-ħolqien ta’ 120 impjieg ġdid f’faċilitajiet ġodda f’Ħal Far.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif Malta għandha fi ħdanha numru b’saħħtu ta’ kumpaniji farmaċewtiċi li jipproduċu numru ta’ mediċini għal madwar id-dinja.
“Kburi bl-ambjent li qed noffru lin-negozji f’pajjiżna. Qegħdin noffru l-aqwa kapital uman għaliex il-ħaddiema tagħna huma uħud mill-aktar dedikati u ħabbrieka li kumpanija tistà ssib minn madwar id-dinja. Dan l-investiment huwa xhieda ukoll tal-viżjoni ekonomika li għandna bħala Gvern, li nattiraw l-investiment u nipprovdu mhux biss impjiegi, iżda karrieri ta’ kwalità.”
Bħala parti mill-istrateġija globali biex tespandi fis-swieq Ewropej, Torrent f’Malta se jkunu katalisti għall-operazzjonijiet attwali u futuri, peress li jipprovdu l-infrastruttura meħtieġa biex tiġi kkonsolidata l-katina tal-provvista fl-Ewropa, inkluż l-ittestjar analitiku, batch release, u servizzi relatati. Il-kapaċità ta’ ttestjar analitiku ta’ farmaċewtika hija stmata li tkun ta’ 16,000 batch fis-sena, u b’hekk Torrent Malta tkun fost l-akbar faċilitajiet ta’ ttestjar fl-Ewropa.
Il-kumpanija qed tippjana wkoll li tibni faċilitajiet dedikati għall-ittestjar tal-onkoloġija u li tiffirma ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet edukattivi lokali biex tappoġġja lill-istudenti, fost oħrajn, permezz ta’ job placements.
Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet li “Dan il-proġett huwa turija tal-fiduċja li l-kumpaniji internazzjonali għandhom f’pajjiżna. Is-setturi tal-farmaċewtika u l-life sciences joffru xogħol ta’ kwalità lil aktar minn 1,100 ħaddiem. Minkejja l-isfidi tal-pandemija, fl-2021 kellna rekord ieħor għall-investiment dirett barrani f’pajjiżna, bl-ewwel sitt xhur tas-sena l-investiment jaqbeż l-€4.9 biljun. Se nkomplu naħdmu biex nibnu l-manifattura tal-futur.”
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri spjega kif l-investiment sostanzjali ta’ €22 miljun fuq medda ta’ 1,500 metru kwadru se jwassal għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi.
“Dan juri l-fiduċja ta’ Torrent fil-ġurisdizzjoni tagħna. Ix-xogħlijiet fuq il-proġett – li għandhom jibdew f’April ta’ din is-sena u konklużi f’Lulju tal-2023 – se jinkludu laboratorju ta’ madwar 2,700 metru kwadru—li se jkun wieħed mill-akbar laboratorji fl-ittestjar farmaċewtiku fl-Ewropa.”
Is-Sur Frederick Schembri, id-Direttur Maniġerjali ta’ Torrent Pharma (Malta) qal, “Il-Gvern offra appoġġ u inkoraġġiment tremend, hekk kif fi żmien sena mill-istedina inizjali mill-Malta Enterprise, waqqafna s-sussidjarja tagħna Maltija Torrent Pharma (Malta) Ltd, krejna uffiċċji temporanji, ġew allokati dawn il-faċilitajiet f’Ħal Far, tlestew il-kunċetti tad-disinn u ippreżentajna applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti għall-approvazzjoni tal-permessi, u xogħlijiet preliminari jinsabu għaddejjin sew għall-bidu tal-fażi ta’ kostruzzjoni tal-faċilitajiet ta’ Torrent Malta. Dan kollu kien possibbli grazzi għall-appoġġ kontinwu ta’ bosta aġenziji tal-Gvern prinċipalment, Malta Enterprise, INDIS u l-Awtorità Maltija tal-Mediċina.”
Dan l-investiment tħabbar fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi Deo Debattista u tal-kapijiet tal-kumpanija inkluż id-Direttur Eżekuttiv għall-Operazzjonijiet Internazzjonali s-Sur Sanjay Gupta, Viċi President għall-Operazzjoni Ewropea Torrent is-Sur Amul Agrawal u d-Direttur għall-Operazzjonijiet Kummerċjali għal Torrent Germany Sur Marco Hacker.
Ritratti: DOI