L-Aġenzija Kulturali Għall-Belt Valletta Tniedi L-Biljetti Għal Prestazzjoni Tar-Requiem Ta’ Mozart F’April
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ħabbret produzzjoni ta’ livell għoli għal żmien ir-Randan bl-isem ta’ “Mozart’s Requiem and Masonic Funeral Music”. Dan l-avveniment, li jinkludi żewġ kapulavuri mużikali, se jkun qed isir b’kollaborazzjoni mal-kor prestiġjuż Taljan, magħmul minn 40 persuna, tal-Akkademja Nazzjonali ta’ Santa Cecilia bil-kollaborazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.
Numru ta’ solisti internazzjonali, inklużi is-sopran Hanna Husáhr, il-mezzo sopran Rihab Chaieb, it-tenur Toby Spence u l-baxx Karl Magnus Fredriksson, se jipparteċipaw f’din il-produzzjoni unika li se ssir taħt id-direzzjoni mużikali tas-surmast Malti-Olandiż Lawrence Renes fil-Bażilika ta’ San Duminku, fit-2 ta’ April fit-8:00pm, fil-Belt Valletta.
Mozart ikkompona parti mir-Requiem fi Vjenna lejn l-aħħar tal-1791, iżda dan ix-xogħol ma tlestiex qabel mewtu fil-5 ta’ Diċembru tal-istess sena. Verżjoni kompluta tar-Requiem, datata għall-1792 ingħatat minn Franz Xaver Süssmayr lill-Konti Franz von Walsegg, li kkummissjona l-biċċa biex jitfakkar l-anniversarju tal-mewt ta’ martu fl-14 ta’ Frar. Il-“Masonic Funeral Music” ta’ Mozart inkitbet fl-1785. Dan ix-xogħol qasir, iżda li jmiss is-sentimenti ta’ dak li jkun b’mod estrem, huwa meqjus bħala wieħed mill-kapulavuri assoluti ta’ Mozart. Madankollu dan ix-xogħol rari jittella’. Dan minħabba l-uniċità tal-orkestrazzjoni oriġinali tiegħu.
L-oriġini tal-Akkademja Nazzjonali multisekulari ta’ Santa Cecilia hija marbuta mill-qrib mal-kant korali u tmur lura għat-tieni nofs tal-1500 meta diversi Kapijiet tal-Kappelli u koristi ffurmaw assoċjazzjoni, billi eleġġew bħala President lil Giovanni Pierluigi da Palestrina, u b’hekk twaqqfet l-Akkademja.
Minbarra l-impenji riċenti tiegħu inklużi tours, il-kor ħa sehem fl-irreġistrar tal-Madama Butterfly ta’ Puccini u tar-Requiem ta’ Verdi (it-tnejn li huma diretti minn Antonio Pappano), li rċieva l-BBC Music Magazine Award tal-2010 għall-aħjar reġistrazzjoni (fis-sezzjoni korali), il-Classical Brits Critics Award tal-2010 u l-Gramophone Award.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera faħħar din l-inizjattiva artistika u tenna li bħala l-Ministru responsabbli, b’mod speċjali fid-dawl tal-pandemija li ħalliet impatt qawwi fuq is-settur kulturali u artistiku, qiegħed jassigura li dan is-settur jkollu futur sostenibbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone qalet li inizjattivi ibbażati fuq kollaborazzjoni internazzjonali ma’ entitajiet Ewropej ta’ eċċellenza huma parti importanti ħafna mill-Programm Kulturali tal-Aġenzija, li tenfasizza l-kwalità u taħdem sabiex tgħamilha aċċessibbli għal udjenza kemm jista’ jkun wiesa:
Umberto Nicoletti Altimari, ir-rappreżentant tad-Direzzjoni Artistika tal-Akkademja Nazzjonali ta’ Santa Cecilia tkellem dwar kemm il-kor huwa ħerqan sabiex jaħdem mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali fi żminijiet bħal dawn. Din hija l-ewwel darba li l-Akkademja ta’ Santa Cecilia se tkun qed tagħmel prestazzjoni fil-Belt Valletta iżda fl-2016, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u l-kor tal-Akkademja kienu daqqew flimkien f’Ruma. Umberto temm jgħid li Mozart’s Requiem huwa kunċert li dak li jkun m’għandux jitlef.
Għal aktar informazzjoni fuq din il-produzzjoni u biex tibbukkja l-biljetti ta’ €15/€5 jekk jogħġbok żur showshappening.com.