L-Aħħar Ċans Biex Tiġbor Id-Dokument Tal-Vot
Illum il-Ħamis 24 ta’ Marzu huwa l-aħħar jum li tista’ tiġbor id-dokument tal-vot għall-elezzjoni ġenerali.
Fi stqarrija l-Kummissjoni Elettorali fakkret li llum il-voti jistgħu jinġabru mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar (Eks-Trade Fair Grounds) u mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, għall-votanti reġistrati f’Għawdex, mit-8am sas-1pm u mit-3pm sa nofsillejl.
Importanti li kull persuna li trid tiġbor id-dokument għandha tmur personalment l-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali biex tieħu d-dokument mingħand il-Kummissjonarji Elettorali. Dawn il-votanti għandhom jieħdu magħhom il-Karta tal-Identità. L-ebda dokument ieħor ma jista’ jkun aċċettat għal dan l-iskop.
Il-Kummissjoni Elettorali qed toffri lil dawk il-morda li ma jkunux jistgħu joħorġu mill-karozza privata faċilitajiet apposta biex ikun jista’ jingħatalhom id-dokument mill-Kummissjonarju fl-istess karozza li waslithom sal-bieb tal-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali.
Skont il-liġi ma jistgħux jiġu stampati, jitqassmu jew jinġabru dokumenti tal-vot fil-25 u fis-26 ta’ Marzu, 2022.
Mingħajr dokument għall-votazzjoni, ħadd ma jkun jista’ jivvota nhar jum il-votazzjoni.
Ritratt: TVM