L-Akbar Importatur Tal-Qamħ F’Malta Jwissi Dwar Sitwazzjoni Fejn Pajjiżi Qed Iwaqqfu L-Esportazzjoni Minħabba L-Gwerra
Hekk kif is-sitwazzjoni fl-Ukrajna dejjem qed tkompli taggrava b’attakki bla waqfien mir-Russja jidher li qed jibdew jinħassu wkoll problemi fil-prodotti li jiġu esportati minn pajjiżi fil-viċin tal-Ukrajna.
L-ewwel prodott li jidher qed jibda jkun hemm problemi huwa l-qamħ. Fil-fatt l-akbar kumpanija Maltija li timporta qamħ f’Malta biex tissupplixxi t-tqiq għal madwar 75% tal-manifatturi lokali qed tgħid li kawża tal-gwerra fl-Ukrajna l-importazzjoni tal-qamħ qed jibda jonqos ftit ftit.
Federated Mills qed twissi sabiex tinħoloq strateġija nazzjonali dwar l-importazzjoni tal-qamħ.
Huma qalu li s’issa l-Ungerija waqfu l-esportazzjoni tagħhom. Hemm pajjiżi oħra li qed jgħidu li se jagħmlu l-istess fosthom il-Polonja, ir-Rumanija u l-Bulgarija, li kollha huma pajjiżi li jesportaw il-qamħ lejn Malta.
Dwar din il-problema dalgħodu tkellem ukoll l-Kelliem tal-PN Peter Agius, fejn saħaq li dan huwa kontra l-liġijiet Ewropej.
“Malta tiddependi mill-qamħ impurtat biex nitimgħu lill-familji tagħna. Mingħajr il-qamħ ma jkollniex ħobż fuq il-mejda,” tenna Agius f’messaġġ li kiteb fuq il-mezzi soċjali tiegħu.
Huwa qal li għadu kemm kiteb ittra lill-Kummissjoni Ewropea fejn talabha tintervjeni biex tinvestiga u wara tieħu azzjoni skont il-liġi biex tassigura li pajjiżna ma jintlaqatx minn restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-qamħ minn pajjiżi Ewropej.
Peter Agius qal li l-aggressjoni insensata ta’ Putin fuq il-poplu Ukren ser iġġib diffikultajiet lil kulħadd. “Is-solidarjetà Ewropea hawnhekk mhix ‘optional’ imma tagħna bi dritt,” temm jgħid il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius.