L-FKNK Tressaq Protest Ġudizzjarju Fil-Qorti Kontra BirdLife Malta
Aktar kmieni llum il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) resqet Protest Ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra BirdLife Malta wara li fi stqarrija qalet li “se taħdem biex terġa’ tinfetaħ diskussjoni minnufih dwar referendum abrogattiv dwar il-kaċċa.”
B’reazzjoni għal dan l-FKNK qalet li l-vot fl-aħħar Referendum Abrogattiv għandu jkun rispettat u aċċettat mill-Birdlife Malta bħala wieħed finali u “ma tistax taqbad u kapriċċjożament tinjorah u terġa’ titlob Referendu ieħor biex terġa’ tittanta li twassal l-aġenda tagħha lejn l-għan finali tagħha – dak li tabolixxi l-kaċċa u l-insib minn Malta!”
Fi stqarrija l-FKNK qalet li bid-dikjarazzjoni li għamlu l-Birdlife Malta qegħda tagħżel li tinjora mhux biss dak li l-poplu Malti kien ivvota għalih, iżda qegħda tinjora wkoll u tmur kontra deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ppermettiet il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Għaldaqstant, il-FKNK ddikjarat illi iktar minn qabel hija ser tkompli tissielet favur li tibqa’ tiġi prattikata l-kaċċa fir-rebbiegħa, u ser tagħmel minn kollox biex tkompli tiddefendi il-prattiċi tal-kaċċa u l-insib tal-membri tagħha. Il-FKNK qalet ukoll li lesta tieħu l-passi neċessarji biex timpedixxi lill-Birdlife Malta milli terġa’ titlob li jsir Referendum Abrogattiv, “li jiswa fuq €6,000,000 mit-taxxi tal-poplu Malti, anke peress li tali talba ma hija xejn għajr disrispett totali lejn deċiżjoni demokratika li diġà ttieħdet”.