“L-Ikbar Ħelsien Li Rrid Nara Llum Hu L-Ħelsien Mill-Politika Tal-Firda, Il-Mibegħda U L-Konfront” – Il-PM Robert Abela
“Emmintu fis-saħħa tagħkom u għażiltu l-għajta ta’ Malta Flimkien. U għax ma ħallejtux il-passat ibeżżagħkom mill-futur, erġajtu tajtuna l-fiduċja tagħkom biex inkomplu nġeddu lil dan il-pajjiż.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fil-Birgu waqt ċelebrazzjoni fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien fejn irrimarka kif is-snin li għaddewna minn esperjenzi simili għal dawk ta’ mitt sena ilu meta bdiet it-triq lejn il-ħelsien.
“Faqqgħet pandemija li qalbet ta’ taħt fuq il-ħajja tagħna. Id-differenza kienet li din id-darba l-poplu Malti kellu bażi soda u rajh f’idejh. Iżda, fuq kollox sab fina tmexxija li kienet miegħu u li se tibqa’ miegħu.”
Il-Prim Ministru spjega kif quddiem l-effetti ta’ kriżi dinjija, minflok l-għexerien ta’ eluf qiegħda, illum għandna l-anqas ammont ta’ nies qiegħda fl-istorja, ftit aktar minn elf persuna. “Il-Gvern qed ikun tarka għall-familji u negozji, b’mijiet ta’ miljuni ta’ ewro dedikati biex l-effett tal-kriżi internazzjonali jkunu kkontrollati.”
Ftit sigħat wara li ħabbar il-kabinett tal-Gvern, Robert Abela rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tal-fiduċja li wera fil-Partit Laburista.
“Dik il-fiduċja se nsarrfuha f’iktar xogħol. Għalikom, iżda fuq kollox biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom futur isbaħ u biex b’dak li nagħmlu nagħtu ġieħ lil dawk li qabilna tant ħadmu għal dan il-ġens. Għandna pjan ċar fuqhiex inwettqu din il-ħidma. Elf proposta li diġà tlaqna bil-ħidma biex nibdew inwettquhom.”
Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar jisħaq l-importanza li jibqa’ jara Partit Laburista li jkun ta’ skrutinju għall-ħidma tal-Gvern.
“Ejja nkunu aħna l-ewwel li naraw kif u fejn nistgħu nagħmlu aħjar. Hemm l-umiltà. U tkellimt magħkom diġà dwar kif fuq din l-umiltà rrid nibnu din il-leġiżlatura. Għax ikbar mhi l-fiduċja iktar irridu nkunu saqajna mal-art. Flimkien ma sħabi. Flimkien magħkom. Se nkomplu nibnu l-pajjiż.”