L-Istati Uniti Tapprezza L-Ħidma Ta’ Malta Kontra Attivitajiet Marittimi Illeċiti
Il-Gvern Amerikan irringrazzja lill-Gvern Malti għall-parteċipazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proposti ta’ Malta fis-‘Summit for Democracies’ organizzat mill-Istati Uniti bejn 9-10 Diċembru 2021 meta l-Prim Ministru Robert Abela kien ippropona t-twaqqif ta’ database f’livell internazzjonali għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar bastimenti problematiċi biex jitnaqqsu l-lakuni u jitnaqqsu ċ-ċansijiet ta’ użu ħażin ta’ bastimenti għal skopijiet illeċiti. L-Istati Uniti se torganizza t-tieni Summit iktar tard din is-sena fejn il-mexxejja tal-istati membri ser ikunu qed iħabbru kif twettqu l-azzjonijiet li huma kienu pprezentaw fl-ewwel summit.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal dan meta indirizza Simpożju Virtwali organizzat minn Malta flimkien mal-UNODC (United Nations Office on Drugs and Crime) biex jesploraw modi kif jista’ jissaħħaħ l-istat tad-dritt marittimu u l-ġlieda kontra attivitajiet illeċiti bis-sehem ta’ aktar minn 140 espert minn 25 pajjiż, organizzazzjonijiet intergovernattivi u organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Ministru Bartolo qal li l-inizjattiva ta’ Malta għat-twaqqif ta’ database globali dwar is-sigurtà marittima internazzjonali ħarġet mill-bżonn li jkun hawn qsim ta’ esperjenzi u perspettivi sabiex jiġu indirizzati b’mod iktar b’saħħtu l-isfidi fil-ġlieda kontra l-evażjoni tas-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda u t-tnaqqis tal-possibbiltà li bastimenti problematiċi ikomplu joperaw meta dawn ikunu involuti f’attivitajiet u negozju illeċitu.
Il-Ministru Bartolo enfasizza l-fatt li l-kooperazzjoni effettiva bejn il-partijiet interessati kollha hija essenzjali biex il-proposta ta’ Malta ta’ database globali ssir realtà u fl-istess ħin tiġi promossa b’mod tanġibbli l-paċi u s-sigurtà internazzjonali.
Kelliema mill-Ġappun, Antigwa u Barbuda, l-Istati Uniti, il-Liberja, Malta, l-UNODC, l-Unjoni Afrikana, l-Unjoni Ewropea u esperti internazzjonali fil-qasam tal-politika marittima iddiskutew l-aħħar mudelli u xejriet fl-evażjoni tas-sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda u qasmu l-esperjenza tagħhom dwar il-lakuni li jeżistu u li jintużaw biex jitwettqu attivitajiet illeċiti u l-evażjoni tas-sanzjonijiet tal-istess Kunsill.