“L-Oppożizzjoni Ma Jixirqilix Il-Fiduċja Tagħkom” – Il-PM Robert Abela
“Nhar is-Sibt dan il-partit li dejjem ħadem għall-bidla għandu bżonn jerġa’ jingħata l-fiduċja. Għax irridu nkomplu nġeddu Malta Flimkien. Dak li ksibna sal-lum hu biss il-pedament li fuqu rridu nibnu futur sabiħ. Neħtieġu l-fiduċja biex l-elf proposta li għamilna, issa jsiru elf kisba ġdida għall-pajjiżna.”
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela lbieraħ waqt attività b’rabta mal-kampanja elettorali bit-tema Malta Flimkien f’Raħal il-Ġdid.
Il-Prim Ministru saħaq li l-pjan ta’ Gvern Laburista għall-ġejjieni huwa wieħed b’saħħtu u costed u huwa l-bażi; għall-kwalità tal-ħajja aħjar, opportunitajiet għal kulħadd u Malta sabiħa. Huwa żied jgħid li “l-Oppożizzjoni ma jixirqilix il-fiduċja tagħkom. Uriet għaliex m’għandiex tkun fdata fl-aħħar ħames snin u kkonfermat dan fl-aħħar ħames ġimgħat.”
Il-Prim Ministru elenka bosta raġunijiet għaliex il-poplu Malti u Għawdxi għandu jivvota lil Partit Laburista bl-appell tiegħu jkun “ivvotaw lil dan il-partit għax jekk tagħtuna l-fiduċja se nagħtu Malta aħjar lil uliedna. Il-familji bieżla, li joħorġu għax-xogħol u jaħdmu kuljum biex jagħtu futur aħjar lit-tfal tagħhom. Il-vot tas-Sibt jista’ jfisser pensjonijiet aħjar. Il-vot tas-Sibt jista’ jfisser ambjent aħjar. L-akbar investiment fl-istorja f’dan is-settur, fuq medda ta’ seba’ mitt miljun ewro fuq seba’ snin. Il-first time buyers se jkollhom l-akbar benefiċċji li qatt tajna, €10,000 fuq għaxar snin. Se nnaqqsu għall-ewwel darba t-taxxa għan-negozji. Se nnaqqsu t-taxxa għall-ħaddiema kollha u nsaħħu r-rifużjoni tat-taxxa. Il-vot tas-Sibt se jfisser garanzija għat-tfal kollha li jkollhom l-istess opportunitajiet, b’investiment ta’ €145 miljun. Imma se jfisser ukoll tmexxija kompetenti u kredibbli.”
Filwaqt li l-Prim Ministru tenna li fis-26 ta’ Marzu dan il-partit għandu bżonn jingħata l-fiduċja u li akbar ma tkun il-fiduċja, aktar tikber l-umiltà u akbar tkun is-saħħa u l-kuraġġ li Gvern Laburista jwettaq r-riformi. Huwa tenna li kif kull darba li Gvern Laburista wasal għal riforma kbira sab oppożizzjoni. Għalhekk, la għandna Oppożizzjoni li topponi dejjem u l-ħin kollu l-bidliet li rridu nġibu, Gvern Laburista se jkollu bżonn grupp parlamentari b’saħħtu biex iwettaqhom u grupp parlamentari sod li jirrappreżenta lil poplu Malti u Għawdxi, u hawnhekk il-Prim Ministru fakkar li kull elezzjoni tibda xejn b’xejn.