L-Ukrajna Tapprezza L-Appoġġ Ta’ Malta
“L-Ukrajna tinsab grata lejn Malta għall-appoġġ li wriet mindu bdiet l-invażjoni tar-Russja.”
Dan qalu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukranjan Dymtro Kuleba, f’kuntatt li kellu mal-Ministru Evarist Bartolo fl-aħħar ġranet.
Huwa esprima l-apprezzament tiegħu għall-impenn ta’ Malta li ssostni d-drittijiet sovrani u l-integrità territorjali tal-Ukrajna f’fora internazzjonali u għall-għoti ta’ mediċina u għajnuna umanitarja lill-poplu Ukren f’dan il-mument diffiċli.
Kif żvela l-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu Malta bdiet tilqa’ refuġjati tal-gwerra Ukrena u tfal Ukreni morda bil-kanċer se jingħataw kura fostna.
Il-Ministru Kubela u l-Ministru Evarist Bartolo kienu f’kuntatt matul l-aħħar xhur f’laqgħat fi Brussell fil-marġni ta’ laqgħat ta’ kull xahar li jsiru għall-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE.
Il-Ministru Bartolo stqarr li l-kunċett ta’ “might is right”, jekk jiġi applikat għar-relazzjonijiet internazzjonali, jagħmel id-dinja post perikoluż għal pajjiżi żgħar. Il-Ministru Bartolo faħħar l-isforzi erojċi u kuraġġużi tal-poplu Ukren li jistħoqqlu jgħix ħieles u fil-paċi miegħu nnifsu u mal-ġirien kollha tiegħu.
Il-Ministru Bartolo esprima t-tama tiegħu li tista’ tinkiseb soluzzjoni diplomatika waqt il-laqgħa proposta bejn il-Ministru Kuleba u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Lavrov fit-Turkija skedata għall-Ħamis li ġej.